Neville Gafà mistenni jitressaq il-Qorti talli hedded ġurnalist Taljan

Miguela Xuereb

Read in English.

Neville Gafà mistenni jitressaq il-Qorti wara investigazzjoni li saret fuq akkużi ta’ theddid li hu għamel fil-konfront ta’ Ġurnalist Taljan, Nello Scavo

Kien fit-28 ta’ Lulju meta l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin talab lill-Korp tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ theddid li għamel l-eks impjegat fl-OPM Neville Gafà fil-konfront ta’ Nello Scavo.

Nello Scavo ilu jaħdem fuq stejjer marbutin mat-tbatija li jsofru l-immigranti fil-Mediterran f’isem il-midja Kattolika L’Avvenire, flimkien ma’ ġurnalisti internazzjonali oħra minn The Guardian u The New York Times fost l-oħrajn, inkluż Newsbook.com.mt.

Kien Gafà stess li ħabbar dan f’post fuq Facebook li fiha qal li fil-ġimgħat li għaddew saret pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet Maltin biex dawn jitolbu lill-Pulizija Maltija tipproċedi kontrih, fosthom minn għaqdiet li l-aġenda tagħhom hija kompletament differenti minn tal-Maltin.

Għadni kemm ġejt infurmat mill-awtoritajiet, li wara investigazzjoni li saret fil-konfront tiegħi, fejn anke ġejt…

Posted by Neville Gafa' on Saturday, August 29, 2020

Fuq Facebook kiteb wkoll il-lista ta’ organizzazzjonijiet li għamlu pressjoni biex hu jiġi nvestigat, fosthom l-Ambaxxata Taljana f’Malta, l-Internation Press Institute u Reporters without Borders.

Neville Gafà kiteb li se jkompli jiġġieled sabiex Malta ma tispiċċax kamp tar-refuġjati.

Kmieni x-xhar li għadda Newsbook.com.mt kien irrapporta kif kien qam furur fuq il-midja soċjali meta Gafà, hedded lill-ġurnalist veteran internazzjonali Nello Scavo. Fix-xogħol investigattiv tiegħu, Scavo kien żvela sistema li tikkastiga lill-umanità f’isem il-legalità.

Fit-tweġiba tiegħu għal tweet ta’ Scavo, Gafà qal: “Waqqfu n-negozju maħmuġ. Jekk le, aħna se nwaqqfukom.” Din it-tweet kienet indirizzata lil Scavo, lill-għaqda Alarm Phone u lil Rescue Med.

Meta Scavo staqsa għal min qed jirreferi Gafà b’”aħna,” ma rċieva l-ebda tweġiba. It-tweet ta’ Gafà dehret stramba meta wieħed iqis li ftit jiem qabel, huwa ċanfar lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo talli faħħar lill-Gvern Libjan.