Neville Gafà mhux ħati li hedded lil ġurnalist Taljan

Neville Gafà, li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inħeles minn kull akkuża li hedded lill-ġurnalist Taljan Nello Scavo ta’ L’Avvenire s-sajf li għadda. Il-Qorti llum iddikjarat li ma kienx hemm provi biżżejjed u li l-kumment kien aktar wieħed politiku.

Il-każ beda fuq Twitter f’Ġunju. Fil-5 ta’ Awwissu, il-Pulizija Maltija rċeviet ilment mill-ġurnalist Taljan Sebastiano Scavo dwar kumment li għamel Gafà fuq Twitter wara post mill-NGO umanitarja Alarm Phone. Gafà uża l-profil tiegħu fuq Twitter biex jgħid lil Scavo “Waqqaf in-negozju maħmuġ tiegħek. Jekk le, se nwaqqfuk aħna.”

Il-ġurnalist Taljan kien qed isegwi l-istejjer dwar il-pushbacks tal-immigranti f’kampijiet ta’ konċentrament fil-Libja, persuni li kienu qed jippruvaw jaħarbu minn pajjiżi madwar il-kontinent Afrikan kollu. Fl-investigazzjonijiet tiegħu li kienu ppubblikati fuq il-ġurnal L’Avvenire u li nħadmu f’kollaborazzjoni man-New York Times u The Guardian, Scavo żvela sistema li tikkastiga l-bnedmin bi skuża tal-liġi.

Fix-xhieda tiegħu f’Ottubru, il-ġurnalist qal li ħassu mhedded mill-kumment ta’ Gafà, imma anke bin-nuqqas ta’ tweġiba meta hu staqsa għal min tirreferi “aħna” fit-tweet ta’ Gafà.

Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, Gafà qal li l-kumment tiegħu kien indirizzat lil Alarm Phone u mhux lill-ġurnalist Taljan. Hu saħaq li l-awtoritajiet Maltin se jagħmlu kulma jistgħu biex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali, madankollu qal li hu qatt ma rritalja jew ħa azzjoni legali kontra l-ġurnalist, li skontu, għamel akkużi serji fuqu.

Illum, il-Maġistrat Charmaine Galea osservat kif Scavo għamel ilment mal-Pulizija lokalment wara li l-Pulizija kienet ġiet infurmata minn terza persuna.

Għaldaqstant qalet li jekk xi ħadd, speċjalment ġurnalist li jingħata protezzjoni mill-pulizija f’pajjiżu, iħossu mhedded, ma jridx jistenna lill-pulizija biex jissuġġerixxu li jdaħħal ilment biex jipproteġi lilu nnifsu.

Apparti dan, il-Maġistrat qalet li Scavo ma spjegax kif ħassu mhedded, u t-tweets tiegħu ma indikawx li jinsab f’qagħda imwiegħra. Lanqas ma rrapporta l-każ lill-pulizija fl-Italja, u mar għand il-Pulizija Maltija xahar wara li ġara l-każ.

Il-Maġistrat qalet li l-midja indipendenti u libera hi element kruċjali ta’ demokrazija li tkun qed taħdem, iżda l-libertà tal-kelma huwa dritt li jrid jiġi rispettat minn kulħadd.

Għalhekk, il-Qorti kkonkludiet li t-tweet ma kinitx ta’ theddida imma kumment politiku fuq suġġett li jqajjem sentimenti kunfliġġjenti. B’hekk, twaqqgħu l-akkużi kollha kontra Gafà.

L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għal Gafà, filwaqt li l-Avukat Kris Busietta kien parte civile. Il-Prosekuzzjoni kienet magħmula mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispettur Lydon Zammit.