Neville Gafà jkompli jappoġġja l-pushbacks

Jisħaq li l-NGOs bi strateġija kontrih

Miguela Xuereb

Read in English.

Neville Gafà saħaq li matul l-aħħar xhur, bosta NGOs Ewropej bl-għajnuna tal-avukati qrib tagħhom, nedew strateġija bil-għan li hu jitressaq quddiem l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC). 

Gafà sostna li individwi Maltin qed jgħinu lil dawn l-NGOs fl-isforzi tagħhom, u hedded li jiżvelaw isimhom jekk hu jkun mitlub jixhed fl-inkjesta maġisterjali.

Fuq Facebook, huwa stqarr li NGOs umanitarji kienu qed jitolbu l-prosekuzzjoni tiegħu fil-Qorti Kriminali Internazzjonali għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-isforzi tiegħu biex jipprevjenu lil dawk li jfittxu l-ażil milli jilħqu Malta. Skontu, huwa żamm “eluf ta’ immigranti illegali milli jidħlu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.”

Dan wara li l-NGO umanitarja Sea-Watch qalet li ntlemħet dgħajsa tal-Gwardja tal-Kosta Libjana fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Sea-Watch allegat li qed titħejja pushback illegali fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

F’April li għadda, Gafà kien kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li dakinhar hu xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Pushbacks huma ksur tal-liġi internazzjonali taħt il-prinċipju ta’ ‘non-refoulement’, li jipprojbixxi li pajjiż jibgħat lil dawk li jjkunu qed ifittxu l-ażil lura f’pajjiż fejn x’aktarx jaffaċċjaw periklu. Fid-dawl tal-kampijiet famużi ta’ detenzjoni ta’ immigranti u tal-gwerra ċivili li għadha għaddejja, huwa diffiċli li wieħed jargumenta li l-pajjiż jikkostitwixxi destinazzjoni sikura.

 “Għadni lanqas bdejt – Se nuża l-kuntatti tiegħi”

Fuq Facebook, Gafà  żied li meta f’Jannar li għadda irreżenja mill-kariga li kien jokkupa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, “dawn l-għaqdiet kriminali Ewropej għorku jdejhom mhux ftit”. Skontu, dan għaliex ħadd daqshom ma kien konxju tar-riżultati li pajjiżna kiseb fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari.

Id-diskors kompla biex stqarr li l-messaġġ tiegħu għal dawn l-għaqdiet u l-alleanzi tagħhom huwa dan: “Għadni lanqas bdejt.”

Huwa saħaq li għalkemm m’għadux jifforma parti mill-Gvern, se jkun qed juża l-esperjenza kif ukoll il-kuntatti tiegħu sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżna.

Matul l-aħħar xhur, bosta "NGOs" Ewropej bl-għajnuna tal-avukati qrib tagħhom, nedew strateġija bil-għan aħħari li jien…

Posted by Neville Gafa' on Saturday, August 15, 2020