Neville Gafà jattendi għall-ħatra ta’ Robert Abela

Miguela Xuereb

Neville Gafà, uffiċjal kontroversjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, attenda għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru.

Gafà huwa kontroversjali peress li huwa akkużat fil-qorti b’rabta mal-iskandlu tal-viżas mediċi. F’Ottubru fetaħ kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali dwar il-kwalità li ntużat fil-Qorti waqt l-aħħar seduta biex xehdu l-Libjani permezz ta’ telefonata fuq Skype.

Huwa ħabib ukoll ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jiġi investigat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tant li fil-jiem wara li ġie arrestat u meħlus Schembri f’Novembru, Gafà kien ta’ sikwit iżur id-dar tiegħu fil-Mellieħa.

Neville Gafà ilu jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn Jannar tal-2019. Din l-informazzjoni ħarġet mit-tweġiba tal-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Joseph Muscat kien qal li ma jafx għal liema dipartiment tal-Gvern kien jaħdem Gafà.

Gafà kien beda jaħdem bħala Direttur tal-Proġetti fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) f’April tal-2014. Tkeċċa f’Diċembru tal-2018. Kien qed jitħallas €30,000 u kien qed jingħata mowbajl u internet b’xejn. Fost allowances oħra, Gafà kien qed jaqla’ sa €10,002 oħra. Din l-informazzjoni kienet ħarġet minn mistoqsija parlamentari tal-MP tal-PN Claudette Butigieg lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fl-2017.

Gafà kien tkeċċa minn kariga preċedenti mill-Ministru Fearne.