Netflix titlef 10% mill-valur tal-ishma

L-ishma ta’ Netflix tilfu 10% wara li l-servizz żied “biss” 2.7 miljun konsumatur ġdid madwar id-dinja bejn April u Ġunju, ċifra ferm taħt il-previżjonijiet tal-istess kumpanija, li kienet stmat mal-5 miljun abbonat ġdid. Saħansitra, ir-rata ta’ abbonati fl-Istati Uniti rreġistrat tnaqqis għall-ewwel darba mill-2011. Filwaqt li l-kompetizzjoni minn rivali bħal Walt Disney u Apple hija ħarxa ferm, il-kumpanija evitat li tagħti t-tort ta’ dan il-fattur u indikat li l-akbar fattur kien iż-żieda fil-prezz tas-servizz li kien introdott f’Jannar li għadda. 

Il-kumpanija qalet li tistenna li dan ir-riżultat ikun irkuprat fit-tielet kwart tas-sena, iżda l-investituri xorta fittxew li jbiegħu l-ishma tal-kumpanija, li fl-ewwel sitt xhur tas-sena kienu ssaħħu bi kważi 35%.

Netflix se tkkun qed titlef uħud mill-aqwa shows tagħha, fosthom Friends, lill-pjattaformi rivali fix-xhur li ġejjin, iżda qed tħejji għadd ta’ kontenut oriġinali biex tpatti għal dan. Dan jinkludi staġjuni ġodda ta’ serje ta’ suċċess bħal Money Heist, The Crown u Orange is the New Black.

Id-dħul tal-kumpanija fit-tieni kwart tas-sena sat-30 ta’ Ġunju naqas għal 270 miljun ewro minn 384 miljun is-sena li għaddiet. 

IBM terġa’ tnaqqas id-dħul

Id-dħul ta’ IBM naqas għar-raba’ kwart konsekuttiv, riżultat li jindika pressjoni kontinwa fuq il-prodotti u servizzi tradizzjonali tagħha, minkejja li ilha snin tipprova tirripożizzjona lilha nfisha fi swieq li qed jikbru, fosthom il-cloud computing, l-artificial intelligence u l-blockchain.

Il-kumpanija teknoloġika Amerikana rrappurtat dħul ta’ 19.2 biljun dollaru għat-tieni kwart tas-sena, tnaqqis ta’ 4.2% mis-sena ta’ qabel, jew 1.6% jekk wieħed jeskludi telf mir-rata tal-kambju. IBM kienet sofriet tnaqqis fil-bejgħ għal kważi sitt snin wara xulxin, qabel ma rritornat għat-tkabbir lejn l-aħħar tal-2017. Madankollu, dan ir-riżultat ma damx jitgawda fit-tul.

Minkejja dan, il-kumpanija esprimiet ruħha pożittiva għal fatt li minkejja t-tnaqqis mid-dħul, il-profitt mis-servizzi teknoloġiċi globali żdiedu b’1.2%. Il-kumpanija ħabbret qligħ kull sehem ta’ 3.17 dollaru, żieda mit-3.08 ta-sena li għaddiet. Madankollu, dan jinkludi numru ta’ fatturi ta’ darba fosthom il-bejgħ ta’ parti mit-taqsima tas-softwer li fissret dħul ta kważi 748 miljun dollaru. 

Iċ-ċifri ma jieħdux kunsiderazzjoni tal-investiment li l-kumpanija wetqet fil-kumpaija Red Hat, li tispeċjaliza fl-Open Source, li kien stmat għal madwar 34 biljun dollaru.

L-ishma ta’ IBM żdiedu b’1.8% wara l-publikazzjoni ta’ dawn ir-riżultati finanzjarji.

Il-G7 iwissi fuq il-muniti virtwali

Muniti virtwali pjanati bħal Libra, ta’ Facebook, jeħtieġ li jkunu regolati mill-qrib jew jistgħu jiddistabilizzaw l-ekonomija globali u jġibu magħhom riskji kbar ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu. Dan skojtn grupp tax-xogħol appuntat mill-G7, il-komunità tal-ekonomiji important tal-Punent u l-Ġappun. 

Huma semmgħu wkoll sfidi marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur, protezzjoni tad-dejta, riskji ċibernetiċi, kompetizzjoni ġusta u evażjoni fiskali. Dan kollu jista’ jkollu impatt fuq l-istabilità finanzjarja u l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema finanzjarja globali. Dan ħareġ f’rapport preliminari ippubblikat minn Benoît Coeuré tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Grupp huwa partikolarment imħasseb mill-pjanijiet ta’ Facebook u l-munita virtwali Libra. Billi Facebook għandha mijiet ta’ miljuni ta’ konsumaturi, il-munita tista’ tispiċċa b’saħħitha daqs munita ta’ pajjiż iżda mingħajr ir-regolamenti u l-kontrolli meħtieġa. 

Il-grupp appella lill-awtoritajiet ikkonċernati biex ikunu attenti, u f’dan is-sens esprimew erba’ rakkomandazzjonijiet: dawn il-muniti virtwali għandhom josservaw l-ogħla standards regolatorji u jkunu suġġetti għal superviżjoni stretta; għandu jkollhom bażi legali soda biex ikunu mħarsa l-konsumaturi u l-utenti tagħha, għandu jkunu b’saħħithom mill-aspett ta’ riskji elettroniċi, u fl-aħħar il-ġestjoni tal-assi għandha tkun sigura u trasparenti biex titħares l-integrità fis-suq.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment