Netflix interessati f’Harry u Meghan

L-attenzjoni tal-midja bħalissa qegħda fuq Haryy u Meghan u dak li possibilment ikunu qed jagħmlu hekk kif se jkunu qed jitboegħdu mill-familja rjali Ingliża. Diġà ġie rrapurtat, mingħajr konferma, li Meghan laħqet ftehim ma’ Disney biex tislef il-vuċi tagħha għal karattru f’film li se jkun qed joħroġ minn din il-kumpanija. Il-ħlas tagħha però se jkun f’forma ta’ donazzjoni b’risq għaqda li taħdem favur li jiġu salvati l-iljunfanti. Qed jingħad ukoll li Meghan laħqet ftehim ma’ Disney ferm qabel ma ħarġet l-aħbar li kienu se jirtiraw mill-impenji tagħhom fil-familja Rjali Ingliża.

Apparti dan qed jissemma’ li Netflix qed juru interess f’din il-koppja. Din l-aħbar kienet konfermata minn Ted Sarandos, il-kap ta’ Netflix, li ftti żmien ilu kien laħaq ftehim ma’ Barack Obama u martu Michelle biex jaħdmu fuq il-produzzjoni ta’ bosta proġetti.

Qed tissemma’ l-possibilita li Netflix jiddiskutu sensiela li timxi fuq l-istess ġeneru ta’ The Crown, għalkemm f’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex ikun magħruf x’tip ta’ produzzjonijiet jistgħu jaħdmu fuqhom kemm-il darba jintlaħaq ftehim.