“Netflix ġew Malta minħabba l-qtil u l-ħasil tal-flus” – Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo saħaq li l-produtturi tas-serje ta’ Netflix – Queen of the South – għażlu Malta minħabba s-sensiela ta’ qtil, ħasil tal-flus u l-banek.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Arrigo qal li l-produtturi jridu jagħmlu ċert li t-telespetturi jindunaw li parti mis-serje nġibdet f’Malta b’tabelli li juru l-isem ta’ Malta.

Dwar il-kuntratt tal-eks Ministru Konrad Mizzi mal-Assoċjazzjoni Maltija għat-Turiżmu (MTA), Arrigo qal li l-istakeholders, jiġifieri mill-iktar operatur turistiku sal-iżgħar restorant, kienu se jħallsu għall-kuntratt li ngħata u ma kienx se jitħallas mit-taxxi tan-nies.

“1.3 miljun turist u mhux 3 miljun li jikkwota l-Gvern”

Huwa qal li l-għadd reali ta’ turisti li jiġu Malta joqrob lejn 1.3 miljun u mhux iċ-ċifra ta’ tliet miljun li qed tiġi kwotata mill-Gvern. Arrigo spjega li l-Gvern jikkwota l-‘arrivals’ li jinkludu wkoll il-barranin li jiġu jaħdmu f’Malta.

Id-deputat Nazzjonalista awgura lill-Ministru l-ġdid tal-Air Malta Silvio Schembri li jkollu iktar suċċess mis-‘suċċess’ li qal li għamel fil-proġett tal-Blockchain f’ Malta. “Biex jagħmel dan madanakollu ma jridx juża l-istess lingwaġġ li juża hawn fil-Parlament, għaliex il-kelma ‘k***’ jifhmuha biss it-Taljani,” stqarr Arrigo.