Netflix bi prezzijiet ogħla u anqas abbonati

Is-servizz popolari tal-films u streaming televiżiv online Netflix qed jistenna li r-rata ta’ żieda bl-abbonati tonqos fit-tieni kwart tas-sena hekk kif il-kumpanija kompliet tgħolli l-prezzijiet tas-servizzi tagħha. Netflix irrappurtat bejgħ u profitti b’saħħithom fl-ewwel kwart tas-sena, inkluż aktar minn 9.5 miljun abbonat ġdid. Minkejja dan, il-kumpanija qed tistenna li dan in-numru jikber b’rata inqas mgħaġġla bejn April u Ġunju wara żidied fil-prezzijiet fl-Istati Uniti, fil-Brażil, fil-Messiku u f’partijiet mill-Ewropa.

Dawn iż-żidiet saru biex il-kumpanija tiffinanzja aktar produzzjonijiet ta’ kontenut tagħha. Dan għandu jippermetti lill-kumpanija toffri kontenut iktar varjat f’industrija li hi mill-aktar kompetittiva. Il-kumpanija produċiet numru ta’ films u serje televiżivi akklamati mill-kritika fosthom The Crown u Roma, b’tal-aħħar jiġi nominat għall-Oscars.

Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-profitti ta’ Netflix żdiedu għal 344 miljun dollaru, b’żieda tal-22% fil-bejgħ li issa jlaħħaq l-4.5 biljun dollaru. Filwaqt li d-dħul komplessivb hu mistenni jiżdied għal kważi 5 biljun dollaru fit-tieni kwart, il-profitti mistenniji jonqsu għal 249 miljun.

Netflix qalet li fit-tieni kwart tas-sena mistennija tpatti għal dan it-tnaqqis b’kontenut globali aktar b’saħħtu fit-tnedija tat-tielet serje ta’ The Crown, bl-attriċi rebbieħa tal-Oscar Olivia Coleman bħala r-Reġina Eliżabetta t-Tieni u s-serje Stranger Things.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.