Jgħid li hemm pajjiżi oħra se jmexxu l-ambaxxata lejn Ġerusalemm

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li wara l-mossa ta’ Donald Trump, meta rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, bosta pajjiżi oħra qed jikkunsidraw li jmexxu l-ambaxxata tagħhom lejn il-belt.
Ġimagħtejn ilu l-President tal-Istati Uniti rrikonoxxa formalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, u minn dakinhar il-protesti fil-Palestina u diversi pajjiżi oħra ma waqfux, b’nies jispiċċaw iħallu ħajjithom ukoll.
Ir-rikonoxximent ta’ Trump jista’ jfisser li l-Iżraeljani jħossuhom aktar liberi li jokkupaw aktar art Palestinjana, speċjlament fil-Lvant tal-belt li l-Palestinjani jqisu li hija tagħhom.
Sadanittant, f’vot li nżamm ilbieraħ waqt laqgħa b’urġenza tan-Nazzjonijiet Magħquda, 128 pajjiż, fosthom Malta, ivvutaw biex id-dikjarazzjoni ta’ Trump ma tkun tiswa xejn fl-ambitu internazzjonali, minkejja t-theddid tal-Istati Uniti diretti lejn min jivvota kontriha.
F’intervista ekslussiva li s-CNN għamlet lil Netanyahu, dan qal li r-rikonixximent ta’ Trump ma kien xejn għajr rikonoxximent ta’ verità storika, filwaqt li rrimarka li pajjiżi oħra se jsegwu l-eżempju ta’ Trump u jmexxu l-ambaxxati tagħhom lejn Ġerusalemm.
Trump kien qal li qed jipprepara biex l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv lejn Ġerusalemm.
Minkejja dan, meya mistoqsi liema huma dal-pajjiżi, il-Prim Ministru ta’ Iżrael ma semma ebda.
Sadanittant, fl-aħħar jiem fi tweġiba għar-rikonoxximent ta’ Trump, il-mexxejja ta’ 57 pajjiż li jiffurmaw l-Organizzazzjoni tal-Koperazzjoni Iżlamika rrikonoxxew il-Lvant tal-belt bħala l-kapitali tal-istat okkupat tal-Palestina.