Netanyahu jfaħħar dak li għamlu s-suldati tiegħu lill-Palestinjani

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, faħħar xogħol il-forzi tas-sigurtà Iżraeljana, wara li nhar il-Ġimgħa qatlu 17-il Palestinjan meta dawn kienu qed jipprotestaw b’mod paċifikuż fil-Medda ta’ Gaża.
Fil-fatt ilbieraħ l-Awtorità Palestinjana ddikjarat ġurnata ta’ vistu.
Fi stqarrija Netanyahu rringrazzja lis-suldati, talli fi kliemu assiguraw li l-Iżraeljani jkunu jistgħu jiċċelebraw l-ikla tal-Ġimgħa l-Kbira fil-kwiet.
Dan kollu meta għadd ta’ pajjiżi u gruppi mill-komunità internazzjonali kkundannaw dal-massakru ieħor tal-Palestinjani, li kienu qed jimmarċjaw biex ifakkru t-42 sena minn Jum l-Art.
Jum l-Art, meta fit-30 ta’ Marzu tal-1976 sitt Palestinjani mhux armati nqatlu mis-suldati Iżraeljani waqt protesta sielma kontra t-teħid ta’ aktar art Palestinjana.
Fil-protesta tal-Ġimgħa l-Palestinjani talbu biex ir-refuġjati kollha Palestinjani jingħatalhom id-dritt li jerġgħu lura pajjiżhom.
Aktar minn 1,500 persuna ndarbu, xħin is-suldati Iżraeljani sparaw fuqhom, użaw il-gass tad-dmugħ u bullits tal-azzar miksija bil-gomma biex iwarrbuhom mill-fruntiera, skont il-Ministeru għas-Saħħa tal-Palestina.
Sadanittant, ilbieraħ reġa’ kien hemm protesti oħra bħala parti mill-protesti taħt it-titlu ta’ “The Great Return March”, u hawnhekk indarbu 49 persuna oħra.
Il-protesti sielma mistennija jibqgħu għaddejjin fil-jiem li ġejjin.