“Nesiġu spjega” – Delia lil Abela dwar il-mowbajl ta’ Schembri

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-Prim Ministru Robert Abela jagħti spjegazzjoni għaliex il-mowbajl ta’ Keith Schembri, li allegatament huwa mitluf, jidher li kien attiv fuq l-app Signal.

F’artiklu ppubblikat ilbieraħ, Net News qal li “kollox jindika li reġa’ ġie attivat in-numru ċellulari tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri”. Il-ġurnal qal li screenshot li ġie ppubblikat mal-artiklu nniffsu, u aktar tard imxerred fuq Facebook, jgħid li Schembri kien ‘live’, jew ‘online’ fuq l-app Signal ilbieraħ fis-6.44pm. Minkejja li l-iscreenshot juri dan, ma hemm l-ebda parti minnu li turi data u ħin meta ttieħed.

Possibilment Keith Schembri qed juża SIM card ġdida bin-numru l-antik tiegħu.

Il-mowbajl il-mitluf ta’ Keith Schembri qajjem kontroversja x-xahar li għadda, wara li kien intqal fil-Qorti li l-Pulizija ma setgħetx issib il-mowbajl ta’ Schembri. Skont Schembri, il-mowbajl huwa mitluf.

Schembri rreżenja mill-kariga tiegħu bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru f’Novembru li għadda. Dan wara li hu kien arrestat u interrogat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn ħareġ ukoll li allegatament kien ħabib ta’ sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech. Ġie allegat li hu kien qed jgħaddilu informazzjoni dwar dak li kien għaddej fl-investigazzjonijiet.

L-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien qal lill-pulizija li l-mowbajl ma setax jinstab. Il-mowbajl jista’ jkun sors importanti ta’ informazzjoni għall-pulizija.

Fuq Facebook, Delia semma l-“kontinwità” li sa issa rrefera għaliha kemm-il darba Abela, kemm qabel, kif ukoll wara l-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.

Kontinwità. Robert Abela: Nesiġu spjegazzjoni. https://bit.ly/2Nlb6PO

Posted by Adrian Delia on Monday, January 13, 2020

Ilbieraħ, Abela nħatar bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta minn meta Malta tħalliet tibda tiggverna lilha nnifisha. Fl-indirizz lin-nazzjon tard ilbieraħ filgħaxija fuq TVM, Abela qal li n-nies trid l-istabbiltà, l-għaqda u s-serħan il-moħħ, u li hu se jara li l-ħidma tiegħu tiffoka fuq dawn il-punti. “L-għaqda nazzjonali dejjem rebħet fuq il-biża’,” qal il-Prim Ministru. Stqarr li ħadd ma jista’ jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà.