“Bżonn il-paċi; l-2017 sena moħlija” – Franġisku

“Ejjew nerġgħu lura lkoll flimkien, u nibdew mill-bidunett, minn dak li hu relevanti: il-paċi bjenietna”.
Dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-quddiesa fl-Ewwel tas-Sena, li taħbat ukoll il-Festa tal-Imqaddsa Omm Alla.
Franġisku fetaħ is-sena l-ġdida b’messaġġ li jqawwi l-qlub tal-wemmiena sabiex ma jħallux ħajjithom issir skjava tal-biża’ jew tas-superstizzjoni. Żied jgħid li l-ħajja kollha, anki meta tkun qed timbuttak, trid tilqagħha bi mħabba u b’merħba, kif ukoll b’għajnujna.
Talab sabiex dak li jkun dis-sena jistinka aktar biex jitgħallem iħalli warajh dak kollu li kiddu, jew ir-rabja li jista’ jkollu lejn il-proxxmu, imur lura u jibda mill-essenzjali, jiġifieri l-paċi.
L-1 ta’ Jannar huwa wkoll il-Jum Dinji għall-Paċi, u hawnhekk Franġisku tkellem dwar il-migranti u r-refuġjati, meta qal li f’dinja mimlija banalitajiet u kliem fieragħ, is-silenzju sar prezzjuż.
“Meta sservi lill-ħajja ta’ did-dinja, qed isservi lill-Alla”, żied il-Papa.
Wara l-quddiesa, waqt l-Anġelus tradizzjonali l-Papa talab ’l Alla sabiex jagħti l-enerġija kollha lil kulħadd biex tiġi kkultivata dinja li taċċetta lil ħaddieħor, speċjalment lil dawk li kellhom jaħarbu minn darhom.
Irrimarka li dawn in-nies kulma qed ifittxu huwa l-paċi, u sostna li l-paċi hija dritt ta’ kulħadd.
Ilbieraħ, waqt it-Te Deum, Franġisku kien aktar iebes fi kliemu, u saħaq li għalih l-2017 kienet sena moħlija, għax kienet sena li fiha l-umanità ntilfet fil-ħolqien ta’ aktar gwerer, uġigħ u inġustizzji.
Hu mifhum li l-Papa xtaq li l-Vatikan ixerred ritratt ta’ tifel Ġappuniż vittma tal-bomba atomika mwaddba fuq Nagasaki mill-Istati Uniti fl-aħħar fażi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Ritratt: Arkivji