“Nerfa’ biex inkun lest għall-isfida li jmiss”

Kif ghazilt il-Powerlifting?
Onestament jien qatt ma ħlomt li xi darba ħa nkun qed nipprattikah dan l-isport, aħseb u ara kemm nikkompeti fih.
F’Settembru 2011, kien hemm habib tieghi li huwa kompetitur tal-Powerlifting u wkoll kollega tiegħi fuq ix-xogħol, li kien spiss jiġi ħdejja u l-kliem kien dejjem jaqa’ fuq il-gym, taħriġ u dieti.
Dan dejjem ħajjarni biex nipprova il-Powerlifting, iżda jien dejjem kont ngħidlu li dan l-isport ma jogħġobnix.
Però darba fost l-oħrajn, ġieni f'mohhi biex nibagħtlu sms u nieħu dan iċ-ċans.
Minn hemmhekk huwa qabbadni ma xi ħaddiehor li huwa ħabib tiegħu, u bdejt nitħarreġ u nitgħallem bil-mod il-mod it-teknika ta' kif issir kull lift.
Li kelli favur tiegħi, li kont għamilt sitt snin nittrenja l-Bodybuilding u meta tagħmel bidla bħal din, tibda tinnota li hemm ħafna x titghallem għalkemm it-tnejn ghandhom hafna minn xulxin bhala sport.
F'kemm ili ngħidlek bdilt il-ħsieb tiegħi fuq il-Powerlifting għax aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda joghgobni.

Kemm titħarreg fil-Powerlifting?
Kieku nista’ kuljum iżda minħabba l-ħajja mgħaġġla li nghixu fiha llum ma nistax.
Bejn wieħed u ieħor nikkalkula li qisni nitħarreġ minn tlieta sa’ erba’ darbiet fil-ġimgħa.
Apparti minn hekk jien nipprova insib ħin ukoll biex inkompli insir naf dwar dan l-isport li nippratika, billi naqra artikli, kotba u nara diversi vidjows.
Minn hawn u minn hemm dejjem irnexxieli nlaħħaq nagħmel kollox.

F’liema kompetizzjonijiet lokali u jew internazzjonali ħadt sehem?
S'issa ħadt sehem f'kompetizzjonijiet lokali biss, però fil-futur viċin għandi f'moħħi li mmur barra minn Malta wkoll.
Hawn Malta s'issa ħadt sehem f'Test Competitions u anke f'National Championships u rnexxieli dejjem intejjeb it-total tieghi minn kompetizzjoni għal oħra.

Fit-tieni parti tal-intervista li Newsbook.com.mt se jwasslilkom għada, Sean se jispjega d-differenza bejn Weightlifting u Powerlifting.