Aġġornata: “Nemmen lil Keith Schembri” – PM; Il-PL b’allegazzjonijiet dwar Busuttil

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu lejn iċ-Chief of Staff Keith Schembri. Stqarr li jemmen il-verżjoni li tah Schembri u mhux lill-Kap tal-Oppożizzjoni li lbieraħ qal li għandu l-provi li Keith Schembri rċieva commissions minn Brian Tonna ta’ Nexia BT, dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li hu jaħlef għal dawk kollha li għandhom fiduċja fih.
Saħaq li ma kellux bżonn jitlob lill-Pulizija biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ Simon Busuttil, “għax il-Pulizija m’għandhiex bżonn lill-politiċi biex jgħidulhom x’għandu jsir”.
Edward Zammit Lewis bla kumment dwar Schembri
Sadanittant, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ma kkummentax jekk hux jappoġġja liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, dwar l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista  Simon Busuttil u mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis insista li dak li hu importanti hu li Schembri għandu l-fiduċja tal-Prim Ministru.
Dr Zammit Lewis qal li Schembri mhux persuna politika, madankollu xorta qagħad għall-inkjesta maġisterjali, waqt li ċaħad l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu.
“M’hemmx evidenza reali kontra Schembri”
Dwar jekk Schembri għandux jirriżenja sakemm tintemm l-investigazzjoni, il-Ministru Zammit Lewis qal li m’hemmx evidenza reali kontrih. Saħaq li l-istituzzjonijiet huma awtonomi biex jinvestigaw.
“X’qed nistennew, li l-Prim Ministru jordna l-arresti?”
B’reazzjoni għal dak li qal il-Kap Nazzjonalista, fejn talab biex Schembri jiġi arrestat, Dr Zammit Lewis staqsa jekk hux mistenni li l-Prim Ministru jordna l-arresti. Saħaq li s-sistema demokratika ma taħdimx hekk.
“Dr Busuttil huwa azzjonista f’kumpanija bil-għan li tieħu l-kuntratti tal-gvern”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, li wkoll indirizzat il-konferenza, qalet li filwaqt li Dr Busuttil qiegħed jitkellem fuq politika onesta, baqa’ direttur u azzjonista f’kumpaniji li twaqqfu, fost l-oħrajn, biex jieħdu kuntratti tal-Gvern u entitajiet governattivi.
Dr Zammit Lewis ikkwota żewġ rapporti tal-awditur tal-kumpaniji GS u qal li f’sena minnhom dawn ma kinux komdi jiċċertifikaw il-kontijiet tal-kumpanija u darb’oħra rrifjutaw li jagħtu l-opinjoni tagħhom.
Il-Ministru staqsa kif Dr Busuttil jista' jmexxi l-pajjiż, jekk ma kienx kapaċi jmexxi l-kumpaniji li fihom kellu interess.
“Il-PM qed jiġi jaqa’ u jqum” – Beppe Fenech Adami
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li r-reazzjoni tal-Prim Ministru hija li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħsara li qed jagħmel lill-Malta, lill-Gvern u lill-Partit Laburista.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fenech Adami qal li l-PM qed jaqa’ u jqum mill-fiduċja li tah il-poplu fl-aħħar elezzjoni u qed jibqa’ jiddefendi lill-kriminali f’Kastilja.
Temm jgħid li dan l-aġir qed irendi lil Dr Muscat kompliċi f’dak li qed iseħħ u għalhekk mhux postu fil-politika.