Nemmen li għandhom appell b’saħħtu u se jintrebaħ – Fearne

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jemmen li ladarba jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jappellaw id-deċiżjoni li t-tfal ma jingħatawx permess jgħixu Malta, il-ġenituri tat-22 tifel u tifla se jirnexxielhom jirbħu dan l-appell.

Huwa stqarr dan fl-intervista li xxandret LIVE fuq Newsbook.com.mt ilbieraħ fejn sarulu diversi mistoqsijiet minn Fr Joe Borg u minn għadd ta’ persuni li bagħtu l-mistoqsijiet tagħhom.

Chris Fearne qed jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat rapport jgħid li 22 tifel u tifla se jitkeċċew minn Malta peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena flimkien, kif ukoll  €3,800 żejda għal kull tifel u tifla li jkollhom. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul mis-sahra jew xi bonus. Dan l-artiklu kien wassal għall-bidu tal-petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt li rnexxielha tikseb aktar minn 3,000 firma f’24 siegħa biss.

Waqt l-intervista Fearne sostna li t-tfal qatt m’għandhom jinqabdu fi kwistjonijiet politiċi jew amministrattivi. Sostna li din mhix kwistjoni politika imma waħda amministrattiva. Qal li jifhem li se jingħataw dritt li jappellaw id-deċiżjoni u jifhem li l-appell għandu jkun b’saħħtu biżżejjed u jintrebaħ. Qal li filwaqt li ma jridx jipprevedi, għax il-proċess amministrattiv jieħu l-kors tiegħu, hemm il-possibilità li tissolva b’dan il-mod.

“Ma nistawx naċċettaw lil kull min irid jiġi jaħdem Malta”

Fearne sostna li mbagħad irridu nkunu realistiċi hekk kif wieħed ma jistax jaċċetta li kull persuna barranija li tkun trid tiġi Malta titħalla tagħmel dan. Spjega li hemm liġijiet li jirregolaw min jista’ jidħol jaħdem u jgħix fil-pajjiż. Qal li l-liġi, li rrefera għaliha bħala Regulation 12, tara li ma tinħoloqx problema kbira fil-pajjiż fejn ikollok popolazzjoni ħafna akbar minn dik li l-pajjiż jiflaħ isostni.

Qal li hemm bżonn li jkun hemm deċiżjonijiet li jwaqqfu ċertu persuni milli jiġi Malta. Minkejja dan irrimarka li t-tfal qatt ma għandhom jispiċċaw vittma ta’ dawn it-tip ta’ liġijiet.