“Nemmen li Brexit mhux se jseħħ” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jemmen li Brexit mhux se jseħħ, hekk kif fi kliemu l-burdata u l-ħsieb fir-Renju Unit qed jinbidlu minn wara r-referendum li sar f’Ġunju 2016 biex ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea.
F’intervista ma’ gazzetta Ġermaniża, De Volkskrant, DrMuscat qal li qed jara sinjali ta’ tama li r-Renju Unit jibdel fehmtu. Huwa saħaq li x-xewqa li wera l-poplu fir-referendum tista’ tħalli konsegwenzi diżastrużi. Żied jgħid li n-nies qed jinnotaw li r-riżultat miksub ta tweġiba li ma toffri ebda soluzzjoni.
Sostna li għalkemm ir-referendum kien wieħed demokratiku, ġab sitwazzjoni li fiha kulħadd huwa tellief. Tenna li tkun ħaġa tajba li mexxej politiku fir-Renju Unit iqum u jitkellem dwar din is-sitwazzjoni ġdida fil-pajjiż.
Huwa qal li r-Renju Unit lanqas kien preparat tajjeb għan-negozjati mal-Unjoni Ewropea.Fl-aħħar jiem in-negozjatur għall-Unjoni Ewropea Michel Barnier, ilmenta dwar nuqqas ta’ dokumenti minn Downing Street.