Neil Agius jaqsam minn Malta għal Għawdex ma’ Santa Klaws

Facebook - Wave of Change Malta

Read in English.

Ftit qabel 12pm, Neil Agius wasal fil-gżira Għawdxija wara li temm l-isfida tiegħu li jaqsam minn Malta għal Għawdex bl-għawm. Matul dan il-vjaġġ huwa kien akkumpanjat minn sieħbu Michel Galea liebes ta’ Santa Klaws bilqiegħda fuq paddleboard.

🚨CHALLENGE COMPLETED 🚨 Neil Agius managed to pull Mixu to Gozo in just about 2 hours, completing the Obesity Awareness…

Posted by Wave Of Change Malta on Sunday, 20 December 2020

Neil u sieħbu telqu mill-Marfa fid-9.35am u waslu Ħondoq ir-Rummien fil-11.36am. Bejn wieħed u ieħor id-distanza kienet ta’ madwar sitt kilometri.

Mal-wasla tiegħu, Agius intlaqa’ minn ċapċipa tal-qraba u ħbieb li kienu qegħdin jakkumpanjawh permezz ta’ dinghy.

F’Ġunju li għadda Neil Agius qasam minn Sqallija għal Malta bl-għum fi 28 siegħa. Id-distanza kienet ta’ madwar 100 kilometru. Dawn l-isfidi jsiru biex titqajjem kuxjenza dwar il-kampanja bl-isem ta’ Wave of Change. Din il-kampanja tinkoraġġixxi lin-nies biex jiġbru tliet biċċiet skart minn barra u jtellgħu ir-ritratti tagħhom fuq il-midja soċjali.

Matul ix-xahar Diċembru, Wave of Change jixtiequ li jqajmu kuxjenza dwar l-obeżità. Galea kkommetta ruħu li jekk Agius itemm l-isfida bejn Malta u Għawdex b’suċċess se jkun qed jagħmel minn kollox biex jibdel l-istil ta’ ħajja tiegħu fejn jidħol l-ikel u l-eżerċizzju.