Aġġornata: “Neħtieġu ħaddiema barranin, neħħu sentimenti xenofobiċi”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, talab lin-nies miġbura quddiemu sabiex ma jħallu lil ħadd idaħħlilhom sentimenti xenofobiċi. Huwa kien qed jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’Malta.
Dr Muscat kien qed jitkellem waqt attività politika fil-Birgu, fejn iffoka fuq il-faqar fil-pajjiż u enfasizza li l-istrateġija tal-Gvern Laburista għall-faqar hi msejsa fuq riformi fl-edukazzjoni, ix-xogħol u l-integrazzjoni.
Sostna li l-ħaddiema li Malta se tkun qed tiġi bżonn huma importanti, għax huma mod ieħor kif jiġu solvuti l-problemi għall-ewwel darba fil-pajjiż.
“Waħedna mhux se nsolvu dawn l-affarijiet, hemm bżonn dawn il-ħaddiema, iżda nwiegħed li kull meta jkun hemm ċans ix-xogħol jieħdu l-Malti”, żied il-PM.
Semma l-ħangar li lLufthansa beħsiebha tibni biex tattira ajruplani akbar biex jissewwew f’Malta.
Filwaqt li wiegħed li Malta se jkollha, fi kliemu, l-aqwa futur li qatt kellha, appella lill-ġenituri sabiex ma jħallux ’l uliedhom jieqfu mill-iskola.
Semma miżuri u inċentivi varji li addotta l-Gvern fil-leġiżlatura li għaddiet li huma xhieda ta’ dan. Fosthom irrefera għal dak li sejjaħlu “xokk” meta ta bonus lin-nisa li ma kinux qed jibagħtu lit-tfal l-iskola, u neħħieh is-sena ta’ wara.
Irrimarka li meta l-bonus tneħħa dawn it-tfal xorta baqgħu jintbagħtu l-iskola.
Dwar ix-xogħol, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jridx biss jattirah, iżda wkoll itejjeb il-kwalità tiegħu.
Semma kif iltaqa’ ma’ carers fil-privat li għandhom anqas liv tal-mard minn dawk tal-Gvern, u qal li se jara kif jindirizzahom mingħajr ma joħloq żbilanċ fl-ekonomija.
“Firda fil-PN”
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni l-ġimgħa l-oħra dwar l-IVF, u sostna li l-mod kif ġab ruħu l-Gvern juri li hu magħqud, filwaqt li dak li ġara lill-Oppożizzjoni juri kemm hi mifruda.
Dakinhar, sitt Membri Parlamentari Nazzjonalisti vvutaw kontra l-mozzjoni tal-partit tagħhom.
Tenna dak li qal il-ġimgħa l-oħra, meta talab lill-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, jieħu r-riedni tal-partit f’idejh u mhux ikun biss, fi kliemu, kap tal-isem.
Dr Muscat temm ifakkar li l-liġi tal-IVF kien daħħalha Gvern Nazzjonalista, iżda qatt ma attwaha, tant li Gvern Laburista kien sab “makkinarju tal-IVF tajjeb għall-iskrapp għax qatt ma kien intuża”.
“15% tas-surplus marru għand persuna waħda” – PN
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għad-diskors tal-PM, meta qal li Dr Muscat naqas milli jitkellem dwar it-tensjoni bejn il-Ministru Ian Borg u l-Membru Parlamentari Robert Abela dwar min se jiħdlu postu.
Skont il-PN, Muscat kellu jagħmilha ta' medjatur bejn dawk li qed jaħdmu biex jeħdulu postu.
“Minflok, Joseph Muscat għażel li jitkellem dwar is-surplus u l-ekonomija, l-istess surplus li l-ekwivalenti ta' 15% minnu marru għand persuna waħda, id-deputat tiegħu Robert Abela”, irrimarka l-PN.