“Neħħu l-VAT mill-kontijiet tar-restoranti” – PN

Unsplash: Carli Jeen

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo qed jipproponi lill-Gvern biex titneħħa b’mod temporanja l-VAT mill-kontijiet tar-restoranti. Fi stqarrija, Arrigo qal li l-Gvern għandu jeżenta l-VAT sal-aħħar ta’ Marzu, biex jiġi assigurat serħan il-moħħ għall-industrija tat-turiżmu li qed tiġi affettwat bit-tħassib dwar il-coronavirus.

Fl-aħħar jiem, Arrigo ppropona wkoll biex l-Air Malta tnaqqas temporanjament €25 mill-prezz tat-titjiriet, bil-għan li s-settur jerġa’ jiġi fuq saqajh. Enfasizza li għandu jkun assigurat ukoll li ma jinżammx ħlas ulterjuri meta l-konsumaturi jibdlu d-dati tat-titjiriet.

Proposta oħra ta’ Arrigo kienet li l-Gvern jissospendi t-taxxa tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni minħabba t-tħassib dwar il-COVID-19.

“Il-Gvern għandu dover li jgħin lis-settur kummerċjali”  – Edwin Vassallo

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo stqarr li minħabba l-impatt tal-coronavirus, diversi setturi tas-suq lokali bdew iħossu tnaqqis fil-bejgħ u l-kummerċ.

Fi stqarrija, Vassallo qal li filwaqt li l-Istat jagħmel tajjeb li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjeni lill-poplu milli jmiss mal-coronavirus, fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista jrid jiġbed l-attenzjoni lill-Gvern biex ikun konxju li għandu wkoll id-dover jgħin b’mod proattiv lis-settur kummerċjali.

Insista li t-tnaqqis tal-kummerċ qed ikollu impatt negattiv primarjament fuq il-cashflow tal-istess negozji kif ukoll fuq il-ħaddiema.