“Neħħu kull riħa ta’ anti-Semitiżmu”

KAUNAS, Lithuania (Reuters) – Fl-omelija tiegħu llum l-Papa Franġisku għamel appell ħerqan biex is-soċjetà toqgħod għassa kontra l-qawmien ta’ kull riħa ta’ anti-Semitiżmu. Huwa talab ukoll li l-ġenerazzjonijiet li telgħin ikunu mgħallma dwar l-orruri tal-Olokawst.

Il-Papa għamel dan l-appell waqt iż-żjara tiegħu fi Kaunas it-tieni l-akbar belt fil-Litwanja li qiegħda tfakkar il-75 anniversarju minn meta n-Nażi qerdu il-ghetto tal-Lhud fil-kapitali Vinius. L-oppressjoni tan-Nażi wasslet għad-deporazzjoni u l-qtil ta’ madwar 200,000 Lhudi.

Il-Papa fakkar lill-100,000 persuna li kienu għall-quddiesa illi l-poplu Lhudi sofra ħafna insulti u krudeltà.

“Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-għerf li ngħarfu mill-ewwel kull żerriegħa ta’ dik l-attitudni mxajtna, kull riħa tagħha li tista’ tħammeġ il-qlub tal-ġenerazzjonijiet li ma kellhomx esperjenza dwar dawk iż-żmenijiet.”

Persuna qrib il-Papa qalet lil Reuters illi l-Papa huwa inkwetat bil-qawmien tal-anti-Semitiżmu f’diversi naħat tal-Ewropa fisthom fil-Ġermanja u fi Franza. F’Marzu li għadda Franza kienet ixxukkjata meta ġiet maqtula persuna illi kien irnexxielha issalva mill-Olokawst.

Waqt l-omelija tiegħu il-Papa tkellem ukoll dwar dawk li kienu għenu lin-Nażi tul it-Tieni Gwerra Dinjija jew li imbagħad ikkollaboraw mal-awtoritajiet Sovjetiċi li ħakmu lil-Litwanja bejn l-1944 u l- 1991.

“Ġenerazzjonijiet passati għadhom iġorru l-feriti taż-żmien tal-okkupazzjoni, in-niket profond tad-deportazzjonijiet, l-inċertezza dwar dawk li qatt ma irritornaw u l-mistħija ta’ dawk l-informaturi u tradituri.”

Illum il-Ħadd il-Papa se jżur ukoll il-Museum tal-Okkupazzjoni u l-Ġlieda għall-Ħelsien li qiegħed f’dak li qabel kien ħabs immexxi mill-pulizija siġrieta Sovjetiċi, l-KGB.