Negozji Maltin mhedda b’virus ġdid

Il-GRTU qed twissi dwar virus jew malware li qed jinfetta s-sistema tal-informatika ta’ negozji madwar id-dinja.  Negozji Maltin ukoll sfaw vittmi tiegħu.
L-Unjin qed tfakkar lin-negozjanti Maltin li l-antivirus tradizzjonali mhux biżżejjed.
Il-virus magħruf bħala Ransomware, ma jħallix lin-negozjant jaċċessa l-informazzjoni tiegħu stess, filwaqt li jitolbu jħallas il-flus biex ikollu l-aċċess mill-ġdid.
Il-GRTU tispjega li l-kriminali  li qed jiżviluppaw dawn il-viruses ġodda mhumiex jitolbu ħlas bi credit cards jew Paypal.  Qed jagħżlu sistemi bħal Bitcoins, bil-għan li ma jiġux traċċati.
Il-metodu komuni kif sistema elettronika tiġi infettata meta tinfetaħ imejl b’dehra li tista’ tafda s-sors bħal opportunitajiet tax-xogħol, dettalji kummerċjali jew tkun tidher li ġejja minn kuntatti familjari.
Filwaqt li idealment dawn l-imejls ma jinfetħux, hu importanti li wieħed iżomm backup tal-informazzjoni f’eventwalità ta’ virus.
Is-software għandha tkun aġġornata regolarment, speċjalment meta aġġornamenti ta’ sigurtà jiġu suġġeriti minn Microsoft, Google jew Apple.
Il-GRTU tissuġġerixxi applikazzjonijiet ta’ sigurtà li jista’ jipprevjenu din il-ħsara, fosthom Foolishit u Surfright.
Wieħed jista’ jikkuntattja lill-GRTU għal aktar informazzjoni fuq 21232881 jew admin@grtu.net.