Negozji f’Għawdex iżidu l-bejgħ fi żmien il-Milied

Il-Ministru għall-Għawdex Anton Refalo qal li l-Milied f’Għawdex kien suċċess hekk kif ġiet irreġistrata żieda fil-viżitaturi f’Betlehem f’Għajnsielem filwaqt li n-negozji ukoll irreġistraw żieda ta’ mill-inqas 10% fil-bejgħ.
Jirriżulta li fil-Milied li għadda, 101,850 żaru Betlehem f’Għajnsielem jiġifieri żieda ta’ kważi 30,000 persuna mis-sena ta’ qabel.
Il-Ministru Anton Refalo qal li s-sentiment ġenerali tan-negozji Għawdxin kien aħjar minn dak tas-sena ta’ qabel, iżda ma setax jingħad l-istess għan-negozji fin-naħa ta’ fuq tal-Belt Victoria li rreġistraw tnaqqis minħabba x-xogħlijiet fit-toroq li hemm għaddejja.
Qal ukoll li fl-aħħar tmiem il-ġimgħa tas-sena, l-okkupanzi fil-lukandi u l-farmhouses kienu tajba ħafna minkejja l-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin u li żamm ħafna milli jaqsmu lejn Għawdex.
Il-Ministru Anton Refalo faħħar l-attivitajiet li saru għat-tfal, b’attivitajiet juru li ċ-ċentru tal-Milied hu Ġesù Bambin.
Qal li l-Gozo Channel li rreġistrat tnaqqis bejn l-2010 u l-2012, irreġistrat żieda fi żmien il-Milied fl-aħħar sentejn.
Il-Ministru għal Għawdex talab lill-Kumitat Milied f’Għawdex sabiex jagħmel evalwazzjoni tal-programm kollu li sar u jsiru r-rakkomandazzjonijiet għal titjieb meħtieġ.