Negozjanti affettwati minħabba kuntrabandu li jista’ jidħol minn Sqallija – Muscat

DOI - Pierre Sammut

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li negozji żgħar qed jaffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minħabba kuntrabandu li jista’ jidħol minn Sqallija.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-PM qal li Muscat tkellem dwar dan waqt laqgħa li kellu f’Kastilja mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU).

Il-GRTU uriet it-tħassib tagħha għall-kompetizzjoni inġusta minn Sqallija. Ipproponiet li l-apparat modern ta’ scanning li jintuża mid-Dwana jibda jintuża ukoll għall-merkanzija li tkun ġejja minn Sqallija. Muscat qal li r-regoli Ewropej ma jippermettux lil Malta biex tagħmel kontrolli estensivi fil-fruntiera.

Waqt il-laqgħa Muscat qal li l-baġit li jmiss hu parti mill-manifest tal-Gvern mil-lista ta’ proposti preżentati qabel l-elezzjoni tal-2017. Madankollu, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern xorta jibqa’ miftuħ għall-proposti.

Il-GRTU proponiet li jitnaqqas l-income tax għal 20% għan-nengozji medji, liema proposta kienet ikkunsidrata riskjuża mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna “minħabba r-reġim kompetitiv tat-taxxa” ta’ Malta.

Il-GRTU proponiet ukoll li titnaqqas it-taxxa biex negozju jiġi trasferit mill-ġenituri għal fuq it-tfal.