Negozjati dwar addozzjonijiet ma’ 11-il pajjiż differenti

Fix-xhur li għaddew, il-Gvern kellu negozjati ma’ 11-il pajjiż differenti dwar il-possibiltà ta’ addozzjoni ta’ wlied għal koppji Maltin. Dawn wasslu fost l-oħrajn biex ġew addottati sitt itfal minn żewġ pajjiżi.
Dan joħroġ minn żewġ tweġibiet li l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farruġia ta fil-Parlament għal Mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Id-diskussjonijiet kienu jinvolvu sitt pajjiżi Ewropej, tlieta mill-Asja, pajjiż mill-Amerika Latina u ieħor mill-Afrika.
L-addozzjonijiet li mmaterjalizzaw kienu mill-Albanija u mis-Slovakkja minn fejn koppji Maltin addottaw tifel u ħamest itfal rispettivament.
Farrugia fisser li fix-xhur li għaddew, ġie ffirmat ftehim mas-Slovakkja waqt li fil-jiem li ġejjin se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding dwar addozzjonijiet mal-Vjetnam. Saru ukoll taħdidiet mal-Kosovo, Bulgarija, Kambodja, Latvija, Polonja, Ċile, Ghana u Ċina.