Aġġornata: Ministeru dgħajjef. Sidien arroganti. Ibatu t-tfal

L-Awditur Ġenerali qal li l-attitudni arroganti tal-persuni li jmexxu t-trasport għat-tfal tal-iskola flimkien ma’ atteġġjament dgħajjef min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni wassal biex is-servizz tat-trasport għall-iskejjel tal-istat tilef sew mill-valur miżjud li kellu dan is-servizz .
Ir-rapport ippreżentat mill-Awditur Ġenerali fil-Parlament, Procuring the State Schools’ Transport Service, janalizza l-mod kif inxtara s-servizz  tat-trasport tal-iskejjel tal-istat seba’ snin ilu, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Il-ftehim kien mifrux fuq ħames kuntratti sussegwenti, li flimkien ikopru sas-sena skolastika 2017-18, u sewa lill-Gvern €42.7 miljun.
L-Awditur Ġenerali qal li l-benefiċċji li kienu fil-ħsieb li jinkisbu minn dan il-ftehim kienu żvalutati minħabba attitudni arroganti min-naħa ta’ min kien qed jissupplixxi s-servizz u koalizzjoni bejn l-operaturi fil-qasam biex il-ftehim ikun kif iridu huma inkella jitilqu min-negozjati. Dan issarraf f’sens ta’ rassenjazzjoni u dgħufija min-naħa tal-Ministeru li wassal biex ikun iffirmat ftehim ta’ kompromess. L-Uffiċċju tal-Awditur qal li dan wassal għal tnaqqis sinjifikanti fil-kwalita tas-servizz li kien mistenni meta mqabbel ma’ tnaqqis marġinali fl-ispiża.
Mill-analiżi tiegħu, l-NAO sab li l-atteġjament ġeneralment imponenti tal-kuntratturi flimkien mal-mod dgħajjef ta’ kif mexa l-Minsteru wassal għal telf sinjifikanti fil-valur għall-flus ottenut mix-xiri ta’ dan is-servizz.
Tista' taċċessa r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.
Il-Ministeru se jaħtar grupp ta' ħidma biex jevalwa r-rapport
Fi stqarrija b'reazzjoni għar-rapport tan-NAO, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li ħa nota tal-punti mressqa mill-Uffiċċju.
Stqarr li f'din l-amministrazzjoni l-Ministeru ħa l-passi kollha, inklużi dawk legali, biex jara li t-termini sfavorevoli għall-pubbliku li hemm fil-kuntratt, jiġu mminimizzati.
Intant, tkompli l-istqarrija, se jiġi żgurat biex dak li sar fl-2011 ma jerġax jirrepeti ruħu, billi n-negozjar għall-kuntratt li se jseħħ fiż-żmien li ġej isir b’mod iktar raġjonevoli u b’valur għall-flus.