Negozjant jaċċetta li jkun estradit wara li jwaqqgħu l-akkuża li marbut mal-mafja

Ansa

Negozjant Taljan li kien qed jiġġieled kontra li jiġi estradit lejn l-Italja fil-qorti ddeċieda volontarjament li jirritorna l-Italja biex jaffaċċja proċess ġudizzjarju fuq involviment kriminali.

Antonio Ricci, li għandu 43 sena, ilu joqgħod Malta ma’ martu u wliedu għal dawn l-aħħar 10 snin.

Huwa kellu jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fis-16 ta’ Jannar. Meta l-każ issejjaħ illum, ġimgħa qabel id-data skedata, l-avukati tal-akkużat qalu li huwa ċeda volontarjament li jmur lura pajjiżu.

Spjegaw li fl-Italja huwa se jaffaċċja akkużi fuq il-Mandat t’Arrest Ewropew maħruġ fl-20 ta’ Diċembru tal-2019, u fuq l-ebda akkuża oħra msemmija f’mandat ta’ arrest maħruġ qabel, li kien rebaħ l-appell tiegħu fil-Qorti tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera f’Ġunju li għadda.

Tribunal f’Reġġju Kalabrija waqqa’ allegazzjoni ta’ rabta mal-mafja fir-rigward ta’ Ricci.

F’Diċembru li għadda, il-Guardia di Finanza f’Reġġju Kalabrija ffriżat l-assi ta’ Ricci, li hu persuna ta’ awtorità fil-gaming f’Malta. Il-ġurnal Taljan La Repubblica kien qal li Ricci huwa wieħed mill-kbarat ta’ ‘Ndrangheta u jipproċessa l-logħob tal-azzard online.

Il-Maġistrat iddikjarat li Ricci għandu jinżamm arrestat sakemm jirritorna Reggio Calabria, wara li jagħlaq il-perjodu statutorju ta’ 10 ijiem.