Avukat Taljan b’donazzjoni ta’ nofs miljun maskra għal Malta

Kumpanija bbażata f’Malta b’kuntatti Taljani tat donazzjoni ta’ nofs miljun maskra lil Malta.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista laqgħu donazzjoni ta’ nofs miljun maskra protettiva mingħand PRAUDE Asset Management Ltd, kumpanija bbażata f’Malta b’kuntatti mar-reġjun ta’ Veneto fl-Italja. Il-maskri, li ġew manifatturati fl-istess reġjun, inġiebu Malta grazzi għall-inizjattiva tal-Avukat Massimo Malvestio, Chairman ta’ PRAUDE Asset Management Ltd, bil-koperazzjoni sħiħa tal-Ambaxxata Maltija fl-Italja, l-Air Malta u l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari rringrazzjaw ukoll lill-Ambaxxatur għal Malta fl-Italja Joseph Cuschieri tal-għajnuna tiegħu biex issir din id-donazzjoni.

F’ittra, il-President tar-Reġjun ta’ Veneto Luca Zaia faħħar il-ġest tal-Avukat Malvestio, ċittadin tar-reġjun, u tkellem dwar l-importanza li l-komunitajiet isegwu eżempji bħal dawn ta’ kif għandhom jgħinu lil xulxin fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19, li qasmet kull fruntiera u misset kull nazzjonalità.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza tal-koperazzjoni globali fil-ġlieda kontra dan l-għadu inviżibbli iżda omnipreżenti. Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif l-Awtorità dwar il-Mediċini, li se tkompli tqassam dawn il-maskri protettivi, qed tissorvelja x-xenarju dinamiku tal-Covid-19 u tindirizza b’mod proattiv il-ħtiġijiet mediċi tal-pajjiż.

Il-maskri se jingħataw lill-entitajiet f’Malta u f’Għawdex li jeħtieġu dan l-apparat protettiv biex ikomplu jwettqu doveri essenzjali fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19.

S’issa f’Malta hawn 241 każ tal-coronavirus, wara li l-Prof. Charmaine Gauci ħabbret l-aħħar 14 illum. Fiequ 5 persuni.

Iċ-ċifra uffiċjali ta’ mwiet fl-Italja laħqet il-15,887 nhar il-Ħadd, kważi terz tal-ammont globali totali, imma hemm ukoll evidenza li din mhix riflessjoni reali tal-ammont totali minħabba li tant persuni qed imutu fi djarhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn