“Negliġenza kriminali” – Putin dwar in-nar li qatel 64 fir-Russja

Il-President tar-Russja Vladimir Putin qal li n-nar li qatel 64 persuna kien riżultat ta’ negliġenza kriminali.
L-inċident seħħ fil-belt ta’ Kemerovo fis-Siberja, ir-Russja fejn stabbiliment tax-xiri ħa n-nar. Minn dawk li mietu, 41 kienu tfal. Jidher li n-nirien bdew f’kumpless fis-sulari ta’ fuq, xħin il-biċċa l-kbira mill-vittmi kienu qegħdin fiċ-ċinema.
Waqt żjara li għamel liż-żona tal-inċident, Putin ikkritika dak li sejjaħlu bħala “traskuraġni”.
L-investigaturi qed jgħidu li l-alarm tan-nar kien mitfi. Qalu wkoll li l-ħruġ tal-emerġenza kienu blokkati.
Skont il-midja internazzjonali, madwar 300 persuna nġabru quddiem l-uffiċju tal-Gvern Lokali biex isejjħu għar-riżenji tal-uffiċjali.
Għadu mhux magħruf x’kienet il-kawża tan-nar.
Waqt ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri, Putin staqsa x’inhu jiġri, b’referenza għall-inċident. Qal li din ma kinitx xi battalja jew inċident li ma kien qed jistennieh ħadd.
Putin qal li n-nies u t-tfal kienu qegħdin jirrilassaw. Qal li qed imutu ħafna nies minħabba negliġenza kriminali u t-traskuraġni.
Il-kumpless kien fetaħ fl-2013, u fost l-oħrajn kien fih ċinemi, ristoranti, sawna, faċilità tal-bowling u zoo għat-tmellis tal-annimali.