Negattiv l-ewwel test għall-coronavirus f’Malta

REUTERS/Thomas Peter

Read in English.

Skont l-awtoritajiet tas-saħħa, f’Malta sar l-ewwel test minħabba l-coronavirus. Dan it-test irriżulta fin-negattiv.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmiane Gauci qalet ma’ Newsbook.com.mt li s’issa test wieħed biss sar għall-coronavirus. L-awtoritajiet qed isegwu wkoll erba’ persuni b’rabtiet mal-ivjaġġar reċenti fiċ-Ċina.

It-Tnejn filgħaxija l-awtoritajiet tas-saħħa organizzaw seminar dwar dan il-virus għall-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa fil-Malta Life Sciences Park f’San Ġwann. Il-panel kollha qablu li m’hemmx bżonn ta’ allarm fil-pajjiż.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Mediċina l-Professur Anthony Serracino-Inglott qal li l-biża’ dwar dan il-virus ġejja mill-fatt li wieħed ma jafx x’inhu.

Dr Tanya Melilli Fenech mill-Infectious Disease Prevention and Control Unit qalet li Malta tinsab fil-fażi ta’ trażżin. Hija spjegat li hemm sistema li biha jkunu jafu dawk il-persuni li ġejjin miċ-Ċina u wara jsiru t-testijiet meħtieġa fuqhom. Spjegat li hemm faċilitajiet ta’ kwarantina lesti għall-eventwalità li jkun każijiet ikkonfermati.

Il-Professur Michael Borg mid-Dipartiment tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei qal ma’ Newsbook.com.mt li fl-isptar hemm apparat protettiv biżżejjed li jinkludi maskli għall-ħaddiema. Żied li fil-jiem li ġejjin mistennija tasal konsenja oħra ta’ apparat protettiv.

Borg żied li dawk kollha li se jsiefru u qed jibżgħu li jistgħu jiġu infettati għandhom iġorru flixkun alkoħol tal-idejn u jagħmlu minnu regolarment matul il-vjaġġ. Kompla li l-virus jista’ jibqa’ jiċċirkola sa 48 siegħa.

Il-Professur Gauci appellat lill-aġenti privati li jekk għandhom nuqqas ta’ apparat protettiv għandhom jikkuntattjaw l-Isptar Mater Dei sabiex jiġbru l-apparat neċessarju. Prof Borg qal li persuna infettata bil-coronavirus tista’ tgħaddih lil żewġ persuni oħra filwaqt li persuna li għandha l-iswine flu tista’ tgħaddiha lil 1.6 persuni.

Dr Chris Barbara, iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei qal li meta jsir it-test ir-rizultat tiegħu joħroġ sagħtejn wara. Huwa spjega li dan it-test huwa sensittiv u speċifiku. Spjega li l-probbabilità li t-test jimmarka ħażin hija baxxa madankollu jekk it-test isir kmieni ħafna hemm ċans li dan ma jinqabadx.

Is-seminar kien organizzat mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini, mid-Dipartment għall-Mard Infettiv u mid-Dipartiment għall-Promozzjoni għas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.