​Nefqa Gvern: L-inqas għall-housing u faċilitajiet għall-komunità

Skont stħarriġ li sar mill-Eurostat, il-Gvern Malti nefaq l-inqas ammont ta’ flus fil-housing u faċilitajiet għall-komunità filwaqt li nefaq l-akbar ammont ta’ flus fil-protezzjoni soċjali fl-2016.
Il-Eurostat sabet li l-Gvern nefaq 12% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) fil-protezzjoni soċjali. Qalet li l-akbar nefqa mill-Gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kienet f’dan il-qasam.
Il-Eurostat tpoġġi fost l-oħrajn l-anzjanità, il-familji, lit-tfal, u lil dawk li m’għandhomx xogħol taħt id-definizzjoni ta’ protezzjoni soċjali.
Fit-taqsima tal-housing u faċilitajiet tal-kommunità (housing and community amenities), instab li il-Gvern nefaq 0% tal-PGD fl-iżvilupp tal-housing, fir-riċerka dwar il-housing, u l-provvista tal-ilma. Skont l-istħarriġ, il-Gvern nefaq 0.2% tal-GDP fl-iżvilupp tal-kommunità u 0.1% fid-dawl tat-toroq.
Il-Eurostat sabet li il-Gvern nefaq 0.6% tal-PGD fid-difiża militari, 0.1% fis-servizzi tal-isport u rekreazzjoni, 0% fil-protezzjoni ambjentali, 0.7% fis-servizzi tal-Pulizija, 1.3% fit-trasport u 3.7% fis-servizzi tal-isptarijiet.
L-istħarriġ tal-Eurostat żvela li n-nefqa tal-Gvern fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-oqsma kollha li dwarhom sar l-istħarriġ kienet ta’ 0% tal-PDG, ħlief għal tal-edukazzjoni (0.3%) u tal-ekonomija (0.1%).
Skont il-Eurostat, il-PGD ta’ Malta fl-2016 kien ta’ madwar €10,191 miljun.