Inbid ta’ €1,573 kull flixkun mir-Reġina Eliżabetta għal Trump b’4,000 pożati tal-fidda

Għall-ikla statali li r-Reġina Eliżabetta ħejjiet għal Donald Trump nhar it-Tnejn 3 ta’ Ġunju kien hemm imwejjed f’tul ta’ 22 metru u ntużaw 4,000 pożati tal-fidda.

Minn tagħrif li ħareġ għall-Istampa għal din l-ikla speċjali jidher li ma tqisux l-ispejjeż involuti u l-familja rjali ppreżentaw l-aqwa u l-aħjar li setgħu għall-President Amerikan. Għal din l-ikla kienu preżenti 170 ruħ li kielu l-aqwa ikel imħejji mill-aqwa kokijiet fid-dinja u xorbu l-aqwa nbid.

Biex isserva l-ikel ttieħdu siegħa u kwart u wara, biex iżżarmat il-mejda, ttieħdu siegħa u nofs. Il-mejda damet erbat ijiem biex titħejja u meta tlestiet, ir-Reġina personalment qagħdet iddur magħha biex tara li kollox ikun f’postu, bħal pereżempju biex tara li kull mistieden li kien għall-ikla kellu metru u seba’ ċentimetri spazju għalih.

Kull mistieden kellu sitt tazzi u b’kollox intużaw 1,020 tazza. Kien hemm 23 bukketti tal-fjuri madwar l-imwejjed. L-4,000 pożati tal-fidda kienu mis-sett tar-Re George IV, b’14-il suppiera għas-soppa, 20 tureen għaz-zlazi, 140 dixx, 288 platt kbir, 118 tal-bżar u l-melħ, 12-il barmil tal-fidda għas-silġ, 58 biċċa tal-fidda fejn tpoġġiet id-deżerta u 107-il kandelabra.

Waqt l-ikla nxtorob l-inbid Chateau Lafite Rothschild 1900 li jiswa €1,573 kull flixkun.