Nazzjonalist se jsir MP flok l-eks Ministru Scicluna?

L-eks sindku Charles Azzopardi għandu tessera tal-PN

Facebook / Charles Azzopardi II

Jidher li hemm ċans li l-Partit Nazzjonalista jista’ jakkwista siġġu addizjonali bis-saħħa ta’ Edward Scicluna, hekk kif ħareġ fuq numru ta’ gazzetti li wieħed mill-kandidati ewlenin għas-siġġu tal-eks ministru – Charles Azzopardi – huwa ttesserat mal-partit.

Azzopardi ma tħalliex jikkontesta f’isem il-PL is-sena l-oħra, però l-eks sindku kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017, fejn kien ġab 584 vot fl-ewwel għadd fis-7 distrett. Għalkemm kandidat ieħor li ma spiċċax elett – Gavin Gulia – kien ġab aktar voti (848) fl-ewwel għadd, Azzopardi wiret aktar voti u kien l-aħħar kandidat Laburista li ġie eliminat fid-distrett.

B’hekk, l-eks sindku – l-unika kandidat li tefa n-nomina għall-elezzjoni każwali għas-siġġu li kien ta’ Scicluna s’issa – jidher li jista’ faċilment ikun id-deputat li jmiss wara r-riżenja tal-eks ministru.

Scicluna, li kien Ministru għall-Finanzi għal 7 snin u nofs, irriżenja biex jinħatar gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u b’hekk witta t-triq biex l-eks chief of staff tal-Prim Ministru Robert Abela, Clyde Caruana, jsir ministru floku.

It-Times of Malta kkwotat sorsi mill-PN li qalu li Azzopardi ssieħeb mal-partit wara li tbiegħed mill-PL. Skont MaltaToday, Azzopardi vvota fl-elezzjoni għal kap ta’ partit li saret is-sena l-oħra, fejn it-tesserati għażlu lil Bernard Grech biex jieħu post Adrian Delia.

Jekk jirbaħ l-elezzjoni każwali, li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, Azzopardi jista’ jagħżel li jkun kandidat indipendenti jew jissieħeb mal-PN.

Azzopardi ma setax jintlaħaq għal kumment minn Newsbook.com.mt, u m’għamilx kummenti pubbliċi fuq is-sitwazzjoni, apparti biex jirringrazzja min awguralu wara li tefa n-nomina.

F’isem il-PN, is-segretarju ġenerali Francis Zammit Dimech ma xtaqx jagħmel kumment dwar is-sitwazzjoni, u ma kkonfermax jekk Azzopardi kellux tessera għal raġunijiet ta’ data protection. Minkejja dan, il-viċi kap tal-PN David Agius ġie kkwotat fuq MaltaToday jgħid li Azzopardi ilhu ttesserat mal-partit għal sentejn.

Azzopardi kien soġġett għal allegazzjonjiet ta’ korruzzjoni u nepotiżmu meta kien sindku – il-PL ikkwota dawn ir-raġunijiet meta ma ħalliehx jikkontesta f’ismu aktar.

L-eks sindku kien insista, però, li dawn l-allegazzjonijiet saru biex iħammġulu ismu wara li tkellem bil-qawwa kontra proġett tal-iżvilupp fis-Saqqajja: kien ikkwotat jgħid li l-għada stess li tkellem, kien wasal ir-rapport anonimu dwaru.