​Naxxar iżommu lil San Ġiljan

B’wirja mill-aqwa u b’determinazzjoni liema bħalha Naxxar Victorians żammew lil-leaders tal-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA San Ġiljan Saints fi draw ta’1-1.
Kien riżultat li kollox ma’ kollox kien ġust biż-żewġ naħat illi ħolqu okkażjonijiet ta’ skor u ppruvaw għal aktar minn darba sabiex jiksbu t-tliet punti iżda fl-aħħar mill-aħħar iż-żewġ settijiet ta’ plejers kellhom joħorġu b’punt minn dan il-konfront.
Fuq kollox kienu żewġ punti mitlufa oħra għas-Saints illi wara d-draw ta’ 2-2 fil-konfront dirett kontra Qormi tilfu erba’ punti mill-aħħar żewġ logħbiet tagħhom.
Min-naħa tal-Victorians huma komplew iżidu l-logħob tagħhom mingħajr telf filwaqt illi ħarġu konvinti illi setgħu jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba.
Kienu proprju Naxxar illi fetħu l-iskor wara 20 minuta logħob meta James Camilleri daħal tajjeb fil-kaxxa avversarja u fajjar xutt illi ġie devjat minn difensur Ġiljaniż għal ġewwa sabiex għamilhom 1-0.
Is-Saints wettqu reazzjoni f’waqtha u ġabu l-iskor indaqs għaxar minuti wara meta Lewis Constable ħarab tajjeb filwaqt illi sab ix-xibka biż-żewġ timijiet imorru jistrieħu fi dro ta’ 1-1.
Fit-tieni taqsima San Ġiljan Saints ħarġu aggressivi fit-tentattiv illi jsibu l-gowl illi jtihom it-tliet punti u hawn daħal fix-xena l-keeper ta’ Naxxar Miguel Muscat illi salva għal diversi drabi lit-tim tiegħu b’saves mill-aqwa.
Tmiem il-partita ra lil Naxxar kuntenti illi kisbu dan id-draw filwaqt illi San Ġiljan dehru xi ftit diżappuntati illi ma ħadux ir-rebħa li xtaqu.
Spettaturi interessati kienu Qormi Hotspurs illi approfittaw min-nofs pass falz tar-rivali tagħhom sabiex għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 4-2. Din ir-rebħa għenet liż-żgħażagħ Qriema jinżlu biss punt taħt San Ġiljan b’logħba waħda biss li tonqos tintlagħab għal tmiem il-kampjonat.
Kienet logħba movimentata mimlija gowls min-naħa u minn oħra. Kienu l-Hotspurs illi minnufih marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti logħob meta Jacob Falzon daħal tajjeb u minn żewġ passi bogħod għeleb lil Buttigieg bejn il-lasti tal-Albions.
Għaddew 28 minuta u Qormi rdoppjaw l-iskor meta Kyle Sultana sab ix-xibka sabiex iż-żewġ timijiet daħlu għall-intervall bil-Qriema 2-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima Qormi komplew fejn ħallew għalkemm rajna wkoll reazzjoni ta’ Mqabba illi bil-kontrattakki veloċi tagħhom bdew joħolqu xi perikli lejn il-lasti avversarji.
Madanakollu kellhom ikunu l-Hotspurs illi għamluhom 3-0 permezz ta’ Aidan Caruana iżda Mqabba naqqsu l-marġni tal-iskor grazzi għall-gowl ta’ Jake Gower.
Qormi ftit impressjonaw ruħhom għax skorjaw ir-raba’ wieħed minn Andy Camilleri sakemm minuta minn tmiem il-partita Gaynor Damato reġa’ naqqas id-distakk favur l-Albions.
Min-naħa l-oħra Tal-Qroqq Versity ftit sabu diffikultà sabiex jegħlbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-0. Ir-rebbieħa kkontrollaw il-partita mill-bidu sal-aħħar għalkemm fl-ewwel taqsima naqsu illi jsibu x-xibka avversarja.
Madanakollu fit-tieni parti tal-logħba, il-Versity ħarġu aggressivi u skorjaw tliet gowls bla risposta sabiex kisbu r-raba’ rebħa staġjonali.
Protagonista assolut f’din il-logħba kien Adam Eshum illi skorja doppjetta sabiex tella’ t-total tiegħu ta’ gowls għal sitta f’dan l-istaġun.
Eshum skorja fit-43 u fil-51 minuta sabiex witta t-triq għal tliet punti tal-Versity li ġew issiġillati minuta minn tmiem il-logħba permezz ta’ Owen Gilford illi qabeż minn fuq il-keeper tal-Vikings.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT IT-TIENI DIVIŻJONI
San Ġiljan Saints 23, Qormi Hotspurs 22, Tal-Qroqq Versity 13, Naxxar Victorians 10, Mqabba Albions 5, Mosta Vikings 2
Ritratti: Warren Sammut