“Nawguralkom tintegraw fis-soċjetà” – il-President lill-ħabsin

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca awgurat lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li ‘l quddiem ikunu jistgħu jintegraw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
Hija għamlet dan l-appell meta attendiet produzzjoni teatrali tal-Ġimgħa l-Kbira li ttellgħet mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl. 
Il-produzzjoni għandha l-isem ‘Ma niċħdek qatt’ u ssir bl-għajnuna tad-direzzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, b’mużika oriġinali ta’ Maria Buttigieg Brooks, kitba u reċtar mir-residenti tal-Faċilità u direzzjoni ta’ Jason Zerafa. 
Attenda wkoll il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia li tkellem dwar is-sabiħ tal-maħfra u sistema ġdida ta’ rijabilitazzjoni. 
Kien hemm preżenti anke l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech