Nawguralek li taf tagħlaq ittra

Sa ftit ilu, konna nagħlqu l-ittri tagħna bil-kliem ‘Għoddni dejjem tiegħek’, jew ‘Dejjem tiegħek’ jew inkella ‘Inselli għalik’, imma issa bil-ġenn tal-imejls spiċċajna b’modi ġodda kif intemmu l-ittri tagħna.  
Illum nużaw ‘Xewqat sbieħ’ u ‘Tislijiet’. Issa b’dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali kollha li għandna  – Twitter, Whatsapp, Messenger –  tgħid dawn ix-xewqat jispiċċaw għalkollox?  Jew sempliċiment qed jinbidlu?
GĦODDNI TIEGĦEK
Skont l-etikett tradizzjonali, jekk bdejt ittra bl-‘Għażiż’ jew ‘Għażiża’ allura trid tispiċċa bilfors bl-‘Għoddni dejjem tiegħek’.  Dan l-istil ta’ kitba jmur lura għas-Seklu 15, meta studjaw sew l-ittri tal-familja Paston fir-Renju Unit, li għadhom jeżistu sal-lum il-ġurnata. F’ittra tal-1426 William Paston għalaq billi kiteb – Ir-raġel tiegħek. Forsi tinstema’ stramba imma, dak iż-żmien, kienet komuni li l-irġiel u n-nisa jirreferu għal xulxin bħala ‘Ja żewġi’ (Husband) jew ‘Ja Marti’(Wife)
DEJJEM TIEGĦEK
Jekk tindirizza ittra lil xi persuna partikolari li tista ssemmih b’ismu allura suppost l-ittra tiegħek trid tispiċċa bil-frażi – ‘Dejjem tiegħek’.
ĦAJR
‘Ħajr’, ‘Grazzi’ jew ‘Grazzi ħafna’ huma modi l-aktar addattati u puliti biex tispiċċa l-ittra tiegħek. ‘Grazzi bil-quddiem’ taf tinstema’ ftit aggressiva peress li qed tesiġi lil dak li jkun iwettaq dak li tixtieq minnu inti. L-istess meta tgħid –  ‘Nisma’ mingħandek ma ndumx’ jew ‘Nistenna mingħandek’. Min jirċievi l-ittra jaf jiddejjaq b’messaġġi sottili bħal dawn.
AWGURI
‘Awguri’ jew kif ġieli niktbu ‘Cheers’ hija l-aktar mod informali kif tispiċċa l-ittra tiegħek. L-Amerikani jitħawdu meta jisimgħu din it-tislima għax tingħad kull meta wieħed jieħu xi xarba, jekk qed jieħu b’idejn xi ħadd, jekk irid jgħid li  kollox OK, insomma għal elf raġuni nużaw l-istess tislima. Tużax din il-frażi meta tkun qed tikkunsidra li tibda xi negozju.
B’rispett, sliem u saħħa u inselli għalikom, se nagħlaq għal-lum!  Nittama li sibtu dan it-tagħrif interessanti… sa ma nerġgħu niltaqgħu.