“Nawgura li l-monasteru tagħkom ikun Nazaret f’Għawdex” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech iddeskriva s-Sorijiet Klarissi tar-Rabat bħala “Nazaret ta’ Għawdex.”
Monsinjur Grech qal dan waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr fis-sitt anniversarju mill-ftuħ tal-Monasteru tal-Klarissi f’Għawdex.
Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Grech irrifletta dwar kif id-dar ta’ Nazaret inbiddlet f’santwarju minn dakinhar li l-Anġlu ħabbar lil Marija li kellha tkun omm Alla.
Spjega kif id-dar saret post ta’ dixxerniment fejn Marija baqgħet tistħarreġ dak li Alla ried minnha. Irrefera għall-aħħar Ittra Pastorali tiegħu u li fiha ddeskriva d-dixxerniment bħala eżerċizzju li jieħu żmien imma meħtieġ, għax fi kliemu "ir-realtà mhix dejjem dik li tidher mal-ewwel daqqa t’għajn.”
Kompla jgħid li d-Dar ta’ Nazaret saret santwarju fejn jgħammar Alla u saret ukoll santwarju tal-bniedem. “Meta Ġesu sar bniedem hu ngħaqad ma’ kull bniedem u hekk kull bniedem seta’ jfittex il-kenn tiegħu f’dan is-santwarju,” spjega Monsinjur Grech.
Kien hawn li awgura li l-Monsasteru ċkejken tal-klarissi jsir Nazaret f’Għawdex fejn mill-klaswura, bid-dixxerniment tagħhom, is-sorijiet joffru akkumpanjament lil dawk li qegħdin jistaqsu x’inhi r-rieda t’Alla għalihom.
Bħala santwarju tal-preżenza t’Alla, awgura li kull minn jgħaddi minn ħdejn il-kunvent jew iħabbat mal-bieb tiegħu  “jxomm il-fwieħa t’Alla,” u jixxennaq għall-ħajja kontemplattiva l-aktar waqt it-talb u l-adorazzjoni lil Ġesù Sagramentat. 
Fl-aħħarnett, bħala Santwarju tal-bniedem, awgura li “f’soċjetà li saret selettiva u tiskarta lil min hu bla sura,” dan il-monasteru jsir oażi ta’ serħan uman u spiritwali għal kulħadd.