Navarro-Valls, l-eks kelliem għall-Papa, imut fl-età ta’ 80

Jaoquin Navarro-Valls, il-kelliem tal-Papa Ġwanni Pawlu II u tal-ewwel snin tal-Pontifikat ta’ Benedittu XVI, miet fl-età ta’ 80 sena.
Navarro-Valls, serva bħala d-Direttur tas-Sala Stampa tas-Santa Sede għal 22 sena u kien l-ewwel lajk li nħatar f’din il-pożizzjoni
Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li ħatar lil Navarro-Valls fl-1984 u minn dakinhar sar meqjus bħala wieħed mill-kollaboraturi l-aktar viċini tal-Papa.
Fl-aħħar xhur tal-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Navarro-Valls żamm lill-midja kontinwament aġġornata bil-kundizzjoni tas-saħħa tal-Papa u minkejja li kien ħabib kbir tiegħu dejjem żamm sod, ħlief darba, meta ġurnalist staqsih kif iħossu bħala persuna.
Dakinhar, għall-ewwel darba, Navarro-Valls deher emozzjonat u ma jiflaħx jitkellem.
Hu kien viċin tal-Papa Ġwanni Pawlu II kważi f’kull vjaġġ apostoliku li għamel.
Tista’ tgħid li Navarro-Valls ma kienx biss kelliem għal Papa imma kien sar ċelebrità minnu nnifsu tant li ħa sehem f’għexieren ta’ programmi jispjega t-tagħlim Nisrani bi kliem sempliċi, kif kien jaf jagħmel.