Nature Trust Malta tirreaġixxi għall-proposti ambjentali

Nature Trust Malta fi stqarrija innotat id-dibattitu Nazzjonali li tqajjem fil-kampanja elettorali dwar ir-riforma fil-MEPA. Nature Trust qalet li sa issa d-direttorat ambjentali fi ħdan il-MEPA qatt ma ingħata l-importanza ugwali kif jingħata dak tal-ippjanar.

Madankollu Nature Trust tinsab imħassba minħabba li skont hi, il-proposta tal-Partit Laburista, tħalli lis-settur tal-Ambjent b’vot wieħed biss fil-Bord, sitwazzjoni li skont Nature Trust hija simili għal dik preżenti u li mhix aċċettabbli. L-istqarrija tkompli tgħid li lanqas il-proposta li l-aġenzija Ambjentali tingħaqad mal-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi ma hija waħda pożittiva minħabba li din l-Awtorita’ hija assoċjata mal-esplorazzjoni taż-żejt u dan jista’ jwassal għall-kunflitt mal-interessi ambjentali.

Nature Trust tħoss li l-Aġenzija Ambjentali għandha jkollha dritt li twaqqaf applikazzjonijiet ta’ żvilupp meta jidrilha li dawn l-applikazzjonijiet ikunu ta’ detriment ambjentali.