Nature Trust ittenni l-proposta għall-bdil fil-politika tal-pompi

L-għaqda mhux governattiva Nature Trust laqgħet it-talba tal-Ministru għall-Ambjent li talab ill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tipproponi t-tibdil li hemm bżonn fil-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol tal-2015.
L-organizzazzjoni qalet li dan huwa pass sabiex jitwaqqfu l-pompi tal-petrol li qed iżiegħdu u jfaqqsu kullimkien, u f’ħafna mill-każijiet jieħdu art fertili u jokkupaw aktar spazju mill-pompa li kienet flokhom qabel, meta jkun il-każ li titneħħa pompa b’oħra.
Irrimarkat ukoll li mhux pompi biss ikunu qed isiru fi żviluppi bħal dawn, iżda magħhom qed naraw ħwienet u post fejn taħsel il-karozza, u ġieli l-art li tittieħed tkun sa massimu ta’ 3,000 metru kwadru.
Min-naħa tiegħu l-Ministru José Herrera qal fi stqarrija preċedenti li ħa nota tal-kummenti li għamlu diversi NGOs ambjentali b’rabta mal-aħħar permessi mogħtija għall-bini tal-pompi tal-petrol.
Riċentement l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ pompa tal-petrol kontroversjali fil-Mosta, f’art ODZ qrib il-Magħtab.
L-ERA għandha xahrejn ċans biex tressaq il-proposti tagħha dwar il-bidliet li tixtieq tara f’dil-politika.
Sadanittant, Nature Trust temmet tgħid li apparti milli jdardru l-inħawi rurali tal-pajjiż, il-pompi tal-petrol f’ODZ jitfgħu f’periklu serju l-ikel li nieklu minħabba t-tniġġis tagħhom.