Filmat: “Naturali li bil-ħaddiema barranin ma jiġix iddikjarat kollox”

Iċ-Ċermen tal-JobsPlus, Clyde Caruana, qal li meta l-ekonomija tkun qed tikber b’ritmu sostanzjali u għandek influss qawwi ta’ ħaddiema bilfors li se jiżdied l-ammont tat-transazzjonijiet mhux iddikjarati. Caruana kien qed jitkellem waqt program Newsline immexxi minn Desmond Zammit Marmara u David Vassallo fuq RTK 103FM.

Caruana saħaq li ġieli waqt li l-ispezzjonijiet li jsiru mill-istess entità jsibu numru ta’ ħaddiema li ma jkunux irreġistrati u għalhekk id-dħul tagħhom ma jkunx qed jiġi ddikjarat. Qal ukoll li minħabba li dawn il-ħaddiema ma jkunux familjari mal-proċeduri ma jkunux jafu kif jirregolarizzaw ruħhom.

Waqt il-programm ġiet diskuss l-ekonomija s-sewda. Caruana spjega fit-tul dwar l-ekonomija s-sewda u deskriviha bħala “necessary evil”. Huwa qal li ma tistax teliminaha kompletament iżda tista’ tnaqqasha. Caruana rrimarka kif f’Malta ħafna nies jaħdmu bil-flus kontanti u dan ma jħallix traċċi ta’ minn fejn ġew il-flus għall-kuntrarju ta’ meta wieħed juża l-karta tal-kreditu.

Huwa qajjem ukoll punt dwar l-mentalità u l-kultura. Fejn qal meta tikkumpara Malta u l-pajjiżi fil-Mediterran mal-Ewropa ta’ Fuq tinduna li hemm differenza fil-mentalità. Huwa qal li fin-Nofsinhar tal-Ewropa “l-evażjoni hi parti mill-kultura”.