‘Nassiguraw li dak li ksibna mill-baġit Ewropew, jiġi investit fl-aħjar mod’ – Dr Lawrence Gonzi

Waqt attività politika f’Birkirkara, il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Lawrence Gonzi, qal li wara li rnexxielu jġib aktar minn biljun ewro mill-baġit Ewropew, Malta trid tagħmel għażliet tajba kif tonfoq dawn il-fondi.

Dr Gonzi qal li dak li qed igawdi l-poplu Malti fil-preżent kien frott għażliet diffiċli li saru fl-aħħar snin, u semma kif il-poplu ma jridx jirrepeti l-aħħar żball kbir li kien sar, li skond Dr Gonzi kien fl-1996 meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni.

Il-Prim Ministru wiegħed li gvern Nazzjonalista ġdid juża dawn il-fondi fl-aħjar mod biex isir aktar investiment fil-pilastri tas-saħħa, tal-ħolqien tal-impjiegi u fl-edukazzjoni.