“Naraw lil Kristu fit-tfal li qed ibatu”

Il-Papa Franġisku f’jum il-Milied talab għat-tfal li “qed ikomplu jsofru” minħabba t-tensjoni bejn Iżrael u l-Palestina u l-gwerrer fis-Sirja, l-Iraq, l-Afrika u bnadi oħra.
Fil-messaġġ tiegħu “Urbi et Orbi”, il-Papa Franġisku ikkritika wkoll il-mudell antikwat tal-iżvilupp li qed ikompli jipproduċi soċjetà degradanti.
“Illum, waqt li l-irwiefen tal-gwerra qed jonfħu madwar id-dinja u mudell antikwat ta’ żvilupp qed ikompli jipproduċi ambjent diżuman u ambjentalment degradanti, il-Milied jistedinna biex niffukaw fuq il-Bambin u narawh f’wiċċ it-tfal, speċjalment dawk li bħal Kristu “m'hemmx post għalihom fil-lukanda”, qal il-Papa.
Naraw lil Kristu fit-tfal tal-Lvant Nofsani li qed ikomplu jsofru minħabba t-tensjoni kbira fir-reġjun. “F’dan il-jum ta’ festa nitolbu 'l Alla għall-paċi f’Ġerusalemm u fl-Art Imqaddsa. Ejja nitolbu biex ikun hemm  ir-rieda  li jkompli d-djalogu bejn il-partijiet biex tinstab soluzzjoni negozjata li tippermetti liż-żewġ stati jgħixu flimkien fil-paċi.
“Nitolbu 'l Alla biex isostni l-isforzi tal-komunità internazzjonali li ispirata mir-rieda tajba tgħin biex minkejja l-ostakoli serji, ikun hemm l-armonija, ġustizzja u sigurtà li tant hemm bżonnhom”.
Il-Papa Franġisku żied jgħid: “Naraw lil Kristu f’wiċċ it-tfal Sirjani li għadhom ibatu mill-gwerra li f’dawn l-aħħar snin ikkaġunat tant tixried ta’ demm f’dak il-pajjiż. Narawh f’wiċċ it-tfal fl-Iraq, feruti u mkissra bil-kunflitti f’pajjiżhom għal dawn l-aħħar 15-il sena u fit-tfal tal-Jemen, fejn hemm kunflitt li kważi ntesa iżda li għandu implikazzjonijiet umanitarji serji fuq il-poplu li qed isofri l-ġuħ u l-mard.
“Naraw lil Kristu f’wiċċ it-tfal fl-Afrika fosthom dawk li qed isofru fis-Sudan t’Isfel, is-Somalja, l-Burundi, ir-Republika tal-Kongo, in-Niġerja u r-Republika tal-Afrika Ċentrali.
“Naraw lil Kristu fit-tfal kulfejn hemm theddida għall-paċi u s-sigurta madwar id-dinja kollha. Ejja nitolbu biex tieqaf it-tensjoni fil-peninsula Koreana u tikber il-fiduċja reċiproka fl-interess tad-dinja kollha.  Nafdaw f’idejn Alla, il-Venezwela biex jibda djalogu seren bejn il-partijiet kollha fl-interess tal-poplu maħbub ta’ dan il-pajjiż.
“Naraw lil Kristu fit-twal li flimkien mal-familji tagħhom qed isofru l-volenza minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna li qed iħalli riperkussjonijiet umanitarji serji ħafna; nitolbu 'l Alla biex jagħti l-paċi lil dan il-pajjiż.
“Naraw lil Alla fit-tfal tal-persuni bla xogħol li jissieltu biex joffru lil uliedhom futur sigur u fil-paċi. Narawh ukoll f’dawk it-tfal li nsterqu u minn età żgħira huma sfurzati jaħdmu jew huma ngaġġati bħala suldati minn merċenarji bla skruplu.
“Naraw lil Kristu f’dawk it-tfal li huma sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom biex jivjaġġaw weħidhom f’kundizzjonijiet inumani u li spiss jispiċċaw fil-mira ta’ traffikanti umani. F’għajnejn dawn it-tfal naraw id-dramm ta’ dawk l-emigranti li jirriskjaw ħajjithom li spiss jispiċċaw fi traġedja, biex ifittxu futur aħjar.  Naraw lil Kristu f’għajnejn it-tfal li żort dan l-aħħar fi Myanmar u l-Bangladesh u nittama li l-komunità internazzjonali ma tiqafx taħdem biex tkun assigurata d-dinjità tal-minoritajiet f’dawk ir-reġjun”.
Il-Papa temm jgħid: “Il-Bambin jaf tajjeb it-tbatija li wieħed ma jkunx milqugħ u kemm hu diffiċli li ma jkollokx post fejn tmidd rasek. Ejja ma nagħlqux qalbna għalihom kif kienu d-djar f’Betlehem”.