Naqsu l-passiġġiera li jużaw il-vapuri tal-Gozo Channel fl-aħħar xhur

Matul l-aħħar xhur kien hemm tnaqqis ta’ passiġġiera u vetturi li għamlu użu mis-servizz tal-Gozo Channel.

Dan qalu l-Ministru għal Għawdex fil-Parlament. Hu kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said li staqsa għall-għadd ta’ passiġġieri u l-ammont ta’ vetturi li użaw il-vapuri tal-Gozo Channel fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju u Ġunju tal-2019 u tal-2020.

Filwaqt li l-Ministru Camilleri kkonferma li kien hemm tnaqqis minħabba r-restrizzjonijiet imħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa b’rabta mal-coronavirus, hu qal li ma jistax jikkonferma l-figuri eżatt għax “huma kummerċjalment sensittivi”.

Propju fil-bidu meta feġġet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta, il-Gozo Channel kienet ħabbret li installat sanitiser dispensers u li se tkun qed tħalli l-bibien tal-vapuri miftuħin bħala prekawzjonijiet minħabba l-coronavirus.

Wara li kienet bdiet tikber il-biża’ fost l-Għawdxin b’rabta mal-periklu li seta’ jġib miegħu vjaġġar mhux neċessarju lejn il-Gżira, fil-31 ta’ Marzu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li bħala parti mill-iscreening għall-coronavirus, se jibda jsir screening għar-raġuni għaliex persuna se tkun qed taqsam bejn iż-żewġ gżejjer.

Camilleri kien irrimarka li dak iż-żmien ma kienx żmien li wieħed imur btala f’Għawdex. Intant spjega li qabel persuna titla’ abbord kien qed isir screening għas-sintomi tal-coronavirus. Wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, kien żdied pass ieħor ieħor, hekk kif kull persuna li se tkun qed tipprova tivjaġġa bejn Malta u Għawdex, u viċi versa, bdiet tintalab tagħti raġuni għaliex se tagħmel dan. Ir-raġunijiet li kienu permissibbli kienu dawk b’rabta ma’ xogħol, raġunijiet mediċi, jekk wieħed irid iżur xi persuni li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei, ġarr ta’ merkanzija jew ritorn fid-dar ta’ individwu. Traġitti għal vaganzi ma kienux aktar permessi.

Intant, wara li s-servizz tal-Gozo Channel reġa’ beda jopera kif suppost billi jaċċetta anke dawk li xtaqu jqattgħu perjodu ta’ btala Għawdex, kienet qamet kontroversja għax waqaf l-iscreening għad-deni fuq il-vapur.

Fit-28 ta’ Mejju Newsbook.com.mt kien ippubblika artiklu b’rabta ma’ dan wara li sorsi tkellmu mal-ġurnal.

Intant, skont tweġiba parlamentari oħra, din id-dar mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kellha rreġistrati f’Għawdex: 16-il lukanda b’1,718-il sodda; 1,165 f’farmhouses u appartamenti u 105 ristoranti.