Naqqsu l-kontijiet tad-dawl għan-negozji u għall-familji – MEA

Read in English.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qed issejjaħ biex jonqsu l-kontijiet tad-dawl għan-negozji u għall-familji.

Fi stqarrija, l-MEA qalet li l-prezz internazzjonali taż-żejt waqa’ għal inqas minn $5 għal kull barmil. Żiedet tgħid li dan il-prezz żgur mhuwiex rifless fil-kontijiet li qed jirċievu n-nies f’Malta bħalissa. Qalet li dan jgħodd aktar u aktar issa meta aktar nies qed jibqgħu d-dar minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-prezz taż-żejt tal-Istati Uniti rreġistra rekord meta dan niżel għal $0 għal kull barmil, hekk kif is-suq għadu qed jirreġistra telf minħabba l-pandemija.

Il-Partit Nazzjonalista ilu minn Marzu jitlob lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl b’50%.

L-MEA qed tipproponi wkoll li jkun hemm training grants aktar flessibbli, biex il-pagi supplimentari jiġu estiżi biex ikopru lil aktar nies, biex il-kirjiet għall-fabbriki li qegħdin f’diffikultà jiġu posposti, u biex is-salarju tal-ħaddiema fis-settur pubbliku li mhux qed jaħdmu jonqos.

L-MEA pproponiet bonus speċjali għal dawk il-persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa minħabba x-xogħol tajjeb li qed jagħmlu.

L-MEA qalet li min iħaddem qed jagħmel l-aħjar li jista’ biex jipprova jżomm il-ħaddiema minkejja li hemm minnhom li ma jistgħux jaħdmu bħalissa. Spjegat li hemm ukoll negozji li qegħdin f’Annex B li ntlaqtu aktar minn xi negozji f’Annex A.

L-Enemalta se tkun qed tgħin lill-Maltin?

Newsbook.com.mt staqsa lill-Enemalta jekk mhux se tkun qed tniedi xi inizzjattivi biex ittaffi mit-tbatija tal-konsumaturi tagħha f’dan iż-żmien tal-kriżi tal-coronavirus.

“Il-Kumpanija Enemalta se tevalwa kull inizjattiva li tista’ tittieħed mill-Gvern u sadanittant se tibqa’ tagħmel dak kollu possibbli biex il-provvista tal-elettriku tkompli tkun sostenibbli,” qal kelliem għall-Enemalta lil Newsbook.

Raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-fuels illum stess– PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-konsumaturi Maltin qed iħallsu t-tielet l-ogħla rata ta’ petrol u diesel fost il-pajjiżi tal-UE.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus stqarr li “b’hekk kif ilbieraħ kellna prezz rekord taż-żejt, u fejn hu evidenti li l-prezzijiet tas-suq għal Mejju u Ġunju m’humiex se jiżdiedu fis-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika li għaddejjin minnha, l-Oppożizzjoni terġa’ ttenni li l-Gvern għandu minnufih jilqa’ l-proposta li saritlu mill-Partit Nazzjonalista biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jorħsu b’50%, meta l-familji qegħdin jobdu d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u qegħdin joqogħdu d-dar u allura jikkunsmaw iżjed dawl u ilma”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn