Naqblu li tneħħew restrizzjonijiet fuq l-art tal-Fortina – MDA

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA, qalet li għalkemm ma taqbilx li l-Gvern għandu jbigħ art pubblika lill-privat, taqbel li neħħa restrizzjonijiet fuq l-art tal-Fortina.

L-MDA qalet li l-ħlas ta’ €8 miljuni biex titneħħa restrizzjoni u l-art tkun tista’ tiġi żviluppata, huwa ħlas xieraq għalkemm il-pagamenti, żiedet l-MDA, kienu ġenerużi. 

Ilbieraħ il-Parlament, fl-aħħar seduta tiegħu qabel il-waqfa għas-sajf, iddibatta mozzjoni mressqa mill-Gvern biex titneħħa r-restrizzjoni fuq parti mis-sit għal raġunijiet mhux turistiċi.

Aqra: Il-ftehim tal-Fortina għall-Parlament wara vot kontra mill-PN

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius iddefenda dan il-ftehim billi qal li l-operaturi tal-Fortina Hotel mhux qed jixtru l-ebda art għax din inxtrat bi tliet kuntratti fl-1991, fl-1996 u fis-sena 2,000. Żied jgħid li qed jitolbu bidla fl-użu biex wieħed mill-ikbar operaturi fil-Gaming jibni l-kwartieri tiegħu fuq dan is-sit.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo stqarr li l-bidla fl-użu tal-art tal-Fortina Hotel se tingħata b’xejn lill-iżviluppatur li diġà sab bejgħ għaliha. Il-Viċi Kap tal-PN, filwaqt li ddikjara kunflitt ta’ interess fil-każ peress li oħtu hi miżżewġa l-imprendituri, qal li dan xorta mhux se jżommu milli jivvota kontra l-mozzjoni tal-Gvern.

Aqra: L-art hi tar-raġel ta’ oħti; xorta se nivvota kontra – Arrigo

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-kuntratt tal-Corinthia, il-ftehim dwar il-korsa taż-żwiemel tal-Marsa u l-mozzjoni tal-Fortina huma eżempji ċari ta’ kif il-poplu qed jinsteraq mill-Gvern tiegħu stess.