“Naqas milli jissalvagwardja l-interess pubbliku”

“Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon naqas milli jissalvagwardja l-interess pubbliku meta ġiet espropjata art li għalkemm ta’ użu, ma kienet taqdi l-ebda għan pubbliku partikolari”.
Dan joħroġ minn rapport tal-Awditur Ġenerali intitolat “An Investigation of Government's Expropriation of Two One-Fourth Undivided Shares of the Property at 36 Old Mint Street, Valletta”.
Ir-rapport ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ispeaker waqt is-seduta ta’ llejla.
Fl-analiżi tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li l-espropjazzjonijiet inkwistjoni naqsu milli jsegwu prattiċi ta’ governanza tajba. Il-mod kif id-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern irrakkomanda, b’mod mgħaġġel, l-espropjazzjoni proposta minn Gaffarena, mingħajr ebda diskussjoni jew analiżi, ġiet deskritta mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali bħala waħda “ma tinftiehemx”.
Ukoll, kompla l-istess rapport, mhux ċar x’kienet ir-raġuni ta’ interess pubbliku li wasslet biex jiġu espropjati ż-żewġ kwarti indiviżi tal-propjetà Numru 36 fi Triq iż-Żekka. Dan meta l-Gvern seta’, kieku ried, jieħu f’idejh il-propjetà kollha.
“Dan l-uffiċċju kkonkluda li s-Segretarju Parlamentari [Michael Falzon], id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern, u d-Direttur tal-Ġestjoni tal-Propjetà naqsu milli jissalvagwardjaw l-interess pubbliku meta ġiet espropjata art, li għalkemm ta’ użu, ma kienet taqdi l-ebda għan pubbliku partikolari” qal ir-rapport.
Ir-rapport jgħid li meta titqies il-valutazzjoni minfuħa li ngħatat lill-propjetà fi Triq iż-Żekka, is-sottovalutazzjoni tal-propjetà tal-Gvern mogħtija bi skambju, kif ukoll ir-raġuni vaga li wasslet għall-espropjazzjoni tal-propjetà, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma jqisx din it-tranżazzjoni bħala waħda li tikkostitwixxi valur għall-flus minfuqa.
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sostna li mill-investigazzjoni ħareġ b’mod ċar li Gaffarena kien konxju mill-intenzjoni tal-Gvern, li jespropja l-propjetà inkwistjoni, ħafna qabel il-pubblikazzjoni tad-digriet tal-President. Din l-informazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali u l-fatt li Gaffarena biss kien konxju tagħha fissret li huwa kellu vantaġġ mhux xieraq fuq il-ko-sidien ta’ din il-propjetà. Fil-fatt huwa għamel użu minn din l-informazzjoni meta daħal għal żewġ konvenji biex jixtri partijiet mill-bqija tal-propjetà qabel mal-intenzjoni tal-Gvern saret pubblika.
Ġie nnutat li jekk il-parir tal-Avukat Ġenerali lid-Dipartiment tal-Awditjar u l-Investigazzjonijiet Interni jiġi applikat, allura l-kuntratti ma’ Gaffarena jistgħu jkunu invalidi hekk kif il-kumpens tal-Gvern għandu jingħata proporzjonalment lis-sidien kollha.
 
Ir-rapport kollu jista' jitniżżel minn hawn.