“Nappoġġjaw lill-kandidat għall-President tal-KE li jirrappreżenta l-interessi ta’ Malta” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-pożizzjoni tal-PN dwar il-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea hija li jappoġġja lil dak il-kandidat li l-aktar jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet u l-interessi ta’ Malta. Dan qalu llum meta attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell.

F’dan is-summit saret diskussjoni dwar il-proċess li se jiddetermina min se jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista tgħid li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea matul it-23 u s-26 ta’ Mejju kien indikat li l-Partit Popolari Ewropew se jikseb mill-inqas 178 siġġu u li huwa l-ikbar grupp fil-Parlament Ewropew.

Għas-summit tal-lum attendew il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-President tal-PPE Joseph Daul, il-kandidat tal-PPE għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber, is-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio López-Istúriz, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, Silvio Berlusconi u mexxejja oħra Ewropej.