“Nappella li nibqgħu poplu li jilqa’ lill-barrani” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella li “nibqgħu poplu li jilqa’ lill-barrani”. Fil-vlogg tiegħu fuq Newsbook.com.mt l-Arċisqof stqarr li dak li ġara fl-aħħar jiem, għandu jkun okkażjoni għall-Maltin u l-Għawdxin “biex nieqfu u naħsbu tajjeb ħafna dwar x’qed jiġri madwarna”.

Vlogg: Kontra l-vjolenza…

Fl-aħħar jiem, il-midja soċjali xegħlet b’kummenti razzisti u ta’ mibegħda b’rabta mal-irvellijiet li seħħew fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Coleiro Preca twissi dwar kliem ta’ mibegħda

Mons. Scicluna stqarr li ħadd mhu lest jiġġustifika l-vjolenza, tkun ġejja minn fejn tkun ġejja, u lanqas vjolenza fiżika fuq in-nies u l-patrimonju, u wisq inqas kliem ta’ mibegħda li jagħmel ħsara mhux biss lill-proxxmu imma lil min jagħmlu.

Insista li jekk irridu niżirgħu xi żerriegħa hemm bżonn li tkun żerriegħa ta’ paċi, mhux ta’ mibegħda, għax din tkisser qabel xejn lil min ikun żeragħha. Stqarr li ż-żerriegħa tal-paċi tkun magħmula mit-tolleranza, mid-djalogu u anke minn qalb li tagħder u tifhem lill-proxxmu.  Filwaqt li qal li għandna d-dritt nitolbu għall-ħarsien tal-liġi tal-pajjiż, saħaq li dan ma jiġġustifikax li nużaw kliem ta’ mibegħda għal xi kategorija ta’ nies.

L-Arċisqof Scicluna temm jappella biex ma niżirgħux żerriegħa ta’ mibegħda li tkissirna.