Napli lesta li tilqagħhom; il-Viċi Sindku f’Malta

Il-Viċi Sindku ta’ Napli Enrico Panini wasal Malta f’isem l-amministrazzjoni ta’ Sindku Luigi de Magistris biex iwassal messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni salvati mill-bastiment tal-għaqda mhux governattiva Sea Watch. L-immigranti ta’ fuq Sea Watch 3 ilhom bejn sema u ilma mill-22 ta’ Diċembru u diversi pajjiżi rrifjutaw li ttihom port sigur. Iżda s-Sindku ta’ Napli kien diġà offra li jilqa’ l-persuni abbord Sea Watch 3 fit-3 ta’ Jannar.

Minkejja d-digriet maħruġ mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini kien ħareġ digriet li bih huwa qal jixtieq joħloq l-ordni u l-immaniġjar tal-dawk li qed ifittxu ażil u jżid is-sigurtà fil-pajjiż. Id-digriet ta’ Salvini kien kritikat minn ħafna li saħqu li dan se jkun qed jwaqqaf lill-immigranti fl-Italja milli jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa fost oħrajn filwaqt li diversi se jkollhom jitilqgħu miċ-ċentri ta’ akkoljenza fejn jgħixu.

Is-Sindku ta’ Napli u Palermo, Luigi de Magistris u Leoluca Orlando, fost oħrajn ħaduha kontra d-digriet ta’ Salvini b’de Magistris diġà qal li l-awtoritajiet lokali mhux se jkunu qed japplikaw id-digriet. De Magistris kien informa lil Sea Watch ġimgħa ilu li huwa lest li jilqa’ l-bastiment f’Napli. Dan kien wassal biex Salvini reġa’ fakkar li l-portijiet Taljani huma magħluqin għal-għaqdiet mhux governattivi tat-tfittxija u salvataġġ. Orlando ddeskriva d-digriet ta’ Salvini inaċċettabli. S’issa hemm ħames reġjuni fl-Italja li qegħdin jappellaw kontra d-digriet ta’ Salvini fil-Qorti Kostituzzjonali Taljana.

Fi stqarrija, de Magistris qal li huwa bgħatt lill-viċisindku Malta bl-għan li tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun għal din is-sitwazzjoni li fiha hemm involuti nies vulnerabbli, tfal, u nisa. De Magistris reġa’ fakkar li Napli lesta tilqa’ l-persuni li jinsabu abbord il-bastimenti.