Naomi ddawwar lill-PM mal-iskola tagħha

Naomi Pace Gasan Prim Ministru
DOI: Jason Borg

Naomi Pace Gasan dawret lill-Prim Ministru Robert Abela mal-iskola tagħha fil-Wardija wara li xahar ilu, hija qattgħet ġurnata miegħu biex tara l-andament tal-jum tiegħu bħala mexxej tal-pajjiż.

Iċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard fil-Wardija, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, jilqa’ fih madwar 100 student ta’ bejn is-16 u l-21 sena. L-iskola toffri opportunitajiet akkademiċi, vokazzjonali u ekstrakurrikulari lil studenti b’ħiliet differenti filwaqt li toffri wkoll bosta opportunitajiet ta’ taħriġ fid-dinja tax-xogħol.

Il-kulleġġ joffri s-suġġetti tradizzjonali bħall-PSCD, l-edukazzjoni fiżika u l-ICT, iżda wkoll suġġetti oħra bħall-ġardinaġġ, żfin, esperjenzi ta’ xogħol, u xogħol tal-fuħħar. L-iskola tagħmel ħilitha biex toffri wkoll terapija relatata mal-arti, id-drama u anke permezz tal-annimali, fosthom żwiemel, klieb u anke fniek. L-istudenti jimxu mal-objettivi edukattivi li huma offruti mil-Learning Outcomes Framework u anke l-Achieve Programme. 

L-iskola hija involuta f’ħafna attivitajiet, fosthom ambjentali u intraprenditorjali. Fost l-attivitajiet li tagħmel, l-istaff iħarreġ lill-istudenti biex jippreparaw souvenirs għal tiġijiet, u bosta oġġetti oħra li jistgħu jingħataw bħala tifkira. L-iskola hija kkunsidrata wkoll l-ewwel skola organika f’Malta.

Il-Kap tal-Iskola Nicholas Agius irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna li dejjem ta sabiex l-iskola topera b’effiċjenza. Is-Sur Agius stqarr li din l-iskola hija eżempju ħaj ta’ kif persuni b’diżabbiltà kapaċi jintegraw fid-dinja tax-xogħol u jsiru iżjed indipendenti f’dak kollu li jagħmlu.

Il-Prim Ministru qal li jinsab impressjonat bis-servizz u d-dedikazzjoni li juru l-istaff kollu ta’ din l-iskola. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana enfasizzat l-importanza tal-inklużjoni fis-sistema edukattiva u qalet li ċ-Ċentru tal-Wardija huwa eżempju ieħor ta’ hekk. Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif dawn l-istudenti qed ikunu inklużi fis-sistema edukattiva u qed ikunu mħejjija għad-dinja tax-xogħol minn aspetti differenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn